Xahar wara li l-Gvern ippubblika r-riforma fil-liġijiet li jirregolaw l-użu tal-Kannabis, il-Partit Nazzjonalista għadu mingħajr pożizzjoni.
Dan riżultat ta’ qasma oħra fil-grupp parlamentari Nazzjonalista li waslet biex f’numru ta’ laqgħat tal-grupp ma nstabitx pożizzjoni komuni.
Nies viċin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jgħidu li minħabba li saru dikjarazzjonijiet favur ma’ Lovinmalta, issa l-Kap ma jistax imur lura minnhom.
Id-dikjarazzjonijiet li issa tefgħu lill-Kap Nazzjonalista f’morsa saru fuq il-parir ta’ Chris Peregin, is-sid ta’ Lovinmalta li hu wkoll strateġist ta’ Bernard Grech.
Il-messaġġ hu ċar li issa l-Partit Nazzjonalista għandu jdejh marbutin u jrid bilfors jivvota favur.
Dan għalkemm diġà kien hemm Deputati li fil-miftuħ tkellmu kontra r-riforma fosthom il-Viċi-Kap David Agius u d-Deputati Chris Said u Maria Deguara.
Pożizzjoni li hija skomda għal kollox għal Kap Bernard Grech tant li fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista evita li jibgħat deputati fuq numru ta’ programmi li kienu ser jiddiskutu s-suġġett, fosthom fuq l-istazzjon nazzjonali.
Mistoqsi l-Erbgħa filgħodu dwar x’inhi l-pożizzjoni tiegħu, Bernard Grech issa qagħad lura milli jesprimi ruħu pubblikament.
Ġurnalist: “Dr Grech il-ġimgħa d-dieħla tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar il-liġi tal-Kannabis pero inti dwar din għadek bla pożizzjoni. X’inhi l-pożizzjoni tiegħek dwar il-liġi kif proposta, favur jew kontra?”
Bernard Grech: “Din id-domanda Colin staqsejtieli madwar erba’, ħames, sitt darbiet…
Ġurnalist: “Dejjem għidtli li għadkom tiddiskutu.”
Bernard Grech: “Għidtlek li fil-parlament ser ikun hemm il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista jitkellem fil-Parlament.
Ġurnalist: “Inti Kap tal-Oppożizzjoni għandek opinjoni? Għandu jkollok opinjoni.”
Bernard Grech: “Il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed ipoġġi l-pożizzjoni tiegħu fil-Parlament.”
Il-mistoqsija li segwiet kienet naturali, “Ladarba sejjaħtilna biex nistaqsuk, nippretendu li twieġeb”, iżda Bernard Grech kien skomdu għall-aħħar jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu.
Bernard Grech: “Il-politika ma ssirx fuq il-microphone u lanqas fit-triq, issir fil-Parlament u hemmhekk ser ikun hemm il-pożizzjoni ċara.”
Ġurnalist: “Il-midja għandha dritt tistaqsi, għaliex ma tridx tagħmel l-opinjoni tiegħek ċara.”
L-attakki ħorox fuq min ma jaqbilx miegħu dwar l-abort u d-dikjarazzjonijiet dwar il-valuri tradizzjonali Demokristjani, huma mod ta’ kif Bernard Grech qed jipprova jappella mad-Deputati tiegħu li jinsabu lesti jivvotaw kontra l-liġi tal-kannabis.
Fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista fetaħha qatta bla ħabel b’dan l-argument li hu parti mid-‘deal’ intern li qed joffri hu.
Dak li jkun iebes mal-pro-choice, biex ikun jista’ jivvota favur il-liġi tal-kannabis, kif qed jgħidulu grupp żgħir fil-Partit Nazzjonalista. Dan meta hu ċar li l-maġġoranza hi kontra.
Iżda bħalissa dan id-‘deal’ ukoll għadu fl-ajru u għalhekk mal-ġurnalisti qed jevita għal kollox it-tema tal-kannabis. Dan tant li meta mistoqsi dwarha qabad jitkellem fuq kollox barra fuq dak li staqsejnieh.
“Fil-parlament, fil-parlament Colin. Tinkwetakom din…. Fil-parlament Colin, inwieġeb kollox lill-Prim Ministru… (jkompli jaħrab).”
Fl-aħħar ġimgħat Bernard Grech għamel dikjarazzjonijiet kunfliġġenti dwar is-suġġett. Saħansitra lanqas kien jaf affarijiet bażiċi bħal fatt li kienet ippubblikata White Paper diversi xhur ilu.
“Mhux kif għamel dan il-Gvern rigward il-kannabis, lanqas White Paper ma ħareġ.”
Din id-dikjarazzjoni ukoll kienet nislitlu kritika kbira għax għal darb oħra deher li mhux preparat u ma jafx x’inhu jgħid.