Il-Mapfre Middlesea Euromed Regatta, li hija appoġġjata minn Yachting Malta u miżmuma taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation, tibda nhar il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru.
Organizzata mill-Malta Young Sailors Club, din is-sena ir-Regatta internazzjonali ser tkun qeda tiċċelebra l-20 edizzjoni tagħha, li minn tellieqa żgħira lokali sviluppat f’Regatta internazzjonali li tkun mistennija minn ħafna baħħara.
Din is-sena din l-edizzjoni, ser tkun qed tilqa forta 230 baħħar minn 26 pajjiż. Dawn ser jkunu qegħdin jikkompetu fil-Klassijiet Laser u Optimist. Din tal-aħħar ser tkun l-ikbar klassi fejn iktar minn 200 baħħar ser jkun qed jikkompetu fil-kategoriji Novice, Open u Cadet, filwaqt li l-kumplament ser jkunu qegħdin jikkompetu fil-kategoriji 4.7, Radial u Standard fil-Klassi Laser.
Fil-passat, baħħar Maltin ipproduċew riżultati tajbin meta rebħu ir-Regatta diversi drabi – dawn kienu Matthew, Ella, Edward Fleri Soler, Thomas Zammit Tabona. Fis-snin reċenti kien Richard Schultheis li ġab l-unur lil Malta tlett darbiet. L-organizzaturi qedin jistennew prestazzjonijiet tajba mill-baħħara lokali iżda din mhix ser tkun kompetizzjoni faċli minħabba li fost il-kompetituri ser jkun hemm Alessandro Cortese, iċ-ċampjin preżenti tal-Ewropa tal-Klassi Optimist, li żgur ser jkun qed jissielet għal post fuq il-podju. Fost il-flotta ser jkun hemm timijiet tajbin mill-Isviżżera u l-Awstrija fost l-oħrajn.
It-tlielaq isiru fil-Bajja tal-Mellieħa. Huwa ppjanat li tlielaq jibdew mill-10:00 ta’ filgħodu ‘il quddiem, dejjem skont il-kundizzjoni tat-temp.