Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja, se jkun qed jagħti mingħajr ħlas mill-ispiżeriji, il-morning after pill, il-contraceptive pill u l-intrauterine device (IUD) lin-nisa f’pajjiżna u anke jqassam prodotti tal-menstruwazzjoni fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.
Dan tħabbar propju mill-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard waqt il-programm Espresso fuq ONE.
Waqt diskussjoni għal Jum il-Mara, Dr Attard ħabbret ukoll proposta importanti oħra mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista dwar l-iscreening tal-kanċer tas-sider fost in-nisa, li l-età minn 50 sena se tinżel għal 45 sena.
Hawnhekk Dr Attard qalet kif Gvern Laburista minn dejjem emmen fil-mara u dan jixhduh il-bosta miżuri li nieda fis-snin li għaddew, fost dawn hemm iċ-Childcare mingħajr ħlas.
Iżda jekk il-Parit Laburista jingħata fiduċja fis-26 ta’ Marzu li ġej, se jkompli jinvesti fil-mara u jaħdem sabiex ikun hemm aktar ugwaljanza bejn is-sessi.
Kif ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ, il-Partit Laburista qed jipproponi li tingħata rifużjoni ta’ tletin fil-mija tal-paga fuq medda ta’ tliet snin sa massimu ta’ sitt elef ewro lil dawk li jimpjegaw nisa li għandhom aktar minn erbgħin sena u li kienu inattivi fis-suq tax-xogħol.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li biex tkun inċentivata aktar il-preżenza tal-mara fit-tmexxija fil-privat, il-Partit Laburista qed jipproponi li kumpaniji li jħaddmu aktar minn ħamsin persuna u jkollhom erbgħin fil-mija tat-tmexxija eżekuttiva tagħhom nisa, jingħataw tax credit sa massimu ta’ ħamsin elf ewro.
Fil-programm Espresso tkellmet ukoll il-President ta’ Nisa Laburisti Nikita Alamango li laqgħet dawn il-proposti u qalet kif il-fergħa tan-nisa fi ħdan il-Partit Laburista ilha żmien twil taħdem sabiex dawn l-inċentivi jkunu introdotti fil-pajjiż.