Mitt sena mill-mewt ta’ Manwel Dimech, l-ewwel xellugi u Soċjalist Malti.
Manwel Dimech, illum jingħata l-importanza li jixraqlu fl-istorja ta’ dan in-nazzjon wara li ħadem għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku tal-Maltin fi żmien meta l-madmad tal-barrani kien ixekkel lill-poplu u jħallih fl-injoranza.
Fil-jum taċ-ċentinarju tal-mewt ta’ Dimech, Patri Mark Montebello, li rriċerka u ppubblika kotba fuq Manwel Dimech, jisħaq li Dimech miet għal Malta tturufnat minn pajjiżu.
Patri Mark stqarr, “Jista’ jkun hemm oħrajn fi żmien il-Kavallieri imma Manwel Dimech huwa ċertament l-unika wieħed minn żmien modern li miet għall-pajjiżu barra minn Malta.”
Mitt sena ilu Manwel Dimech miet meta kien fl-eżilju f’Lixandra, l-Eġittu.
Patri Mark Montebello jgħid li Dimech seta’ għex mal-għoxrin sena iżjed fi żmienu iżda l-Ingliżi u l-Knisja Kattolika ta’ dak iż-żmien tawh il-keded.
Montebello jsemmi wkoll raġuni oħra li imbagħad qatgħet lura lil Dimech.
Qal, “Sitt xhur, seba’ xhur qabel ma miet fil-fatt kien meta sar jaf għax ma kinux qalulu li ibnu l-kbir, l-unika iben li kellu li ma mietx tarbija, kien mietlu bil-ġuħ u dik kienet naħseb l-aħħar darba illi Manwel Dimech hekk kellu r-rieda li jgħix imbagħad tagħtu puplessija, baqa’ waħdu għaliex kull min kien jarah ma setax imur iktar, baqa’ waħdu, sal-aħħar u miet f’sodda mnitten, imħammeġ u marid, eżiljat minn pajjiżu.”
Patri Mark Montebello jisħaq li Dimech inżamm illegalment mill-Ingliżi f’ħabs tal-konċentrament.
Hu saħaq, “Interessanti illi wara li ntemmet il-gwerra l-kbira, jiġifieri l-ewwel gwerra dinjija ż-żamma ta’ Dimech ġol-ħabs ta’ konċentrament mill-Ingliżi kien illegali u allura teknikament fil-fatt li kieku xi ħadd ta parir lil Manwel Dimech seta’ jmur jiftaħlu l-bieb u jibqa’ sejjer ’il barra għax ma setgħux iżommuh għax Dimech kien ġie eżiljat minħabba li kienu ssuspettaw fih, falzament, bil-gideb minn membri tal-Korp tal-Pulizija, li kien spjun tal-Ġermanja.”
L-istorja tgħidilna li qabel miet fl-Eġittu, Manwel Dimech kien imur jarah wieħed li kien jaħdem ta’ waiter u li meta dan ma setax imur jarah iktar, Dimech kien pront tah iċ-ċurkett tat-tieġ biex dan jgħaddih lil martu Virġinja u manuskritt b’aforiżmi li Dimech kiteb waqt li kien fl-eżilju.
Patri Mark Montebello jgħidilna li l-kisbiet li pajjiżna jgħix illum, kien Dimech li nebbaħhom għax kien bniedem ta’ viżjoni.
Montebello stqarr, “Manwel Dimech ħolom li Malta tkun ħielsa, indipendenti u Repubblika. Ħolom ukoll li l-imperu Ingliż li ma jibqax jeżisti aktar. Kull ma ħolom hu fil-fatt seħħ.”
Illum, Manwel Dimech jibqa’ mniżżel fl-istorja mhux biss li meta kien żgħir qatta’ żmien twil il-ħabs, iżda wkoll li imbagħad fil-ħabs tgħallem u sar tassew għalliem tal-poplu.
Manwel Dimech qerrduh u ma ħallewhx jerġa’ jiġi lejn artu iżda l-istorja ma teqridx x’għamel Dimech għall-Maltin.
Manwel Dimech tax-Xirka tal-Imdawwlin, tal-Bandiera tal-Maltin, Manwel Dimech il-Malti li ħabb lil pajjiżu u ta ħajtu għalih, pajjiżek iroddlok ħajr.