L-avukat Joseph Brincat ippreżenta rikors fil-Qorti fil-konfront ta’ Manwel Delia dwar il-monument tal-Assedju l-Kbir, fejn qal li jekk Delia jippretendi li għandu d-dritt tal-liberta tal-espressjoni, daqstant ieħor l-esponenti għandu l-istess dritt li l-monument jibqa’ jinsinjifika dak li dejjem kien is-sinjifikat tiegħu. Manwel Delia ma jistax jippretendi li d-dritt tiegħu huwa ikbar minn dak li kien oriġinali għall-esponenti u ħafna Maltin oħra, kif ġie stabbilit anke permezz ta’ dikjarazzjonijiet uffiċċjali taħt diversi amministrazzjonijiet dwar il-monument tal-Assedju l-Kbir. Fid-dokument, l-avukat Brincat isemmi kif il-monument ilu fil-post mill-1927 u huwa kapulavur ta’ artist Malti Antonio Sciortino. Dan ġie rrestawrat riċentement fl-2010. Fl-inawgurazzjoni tiegħu wara r-restawr, il-Ministru Tonio Borg, dak iż-żmien Deputat Prim Ministru kien qal li “dan il-monument mhux biss huwa ta’ mportanza nazzjonali imma dan il-monument jisinjifika wkoll rebħa kbira għas-sigurta` tal-Ewropa ta’ dak iż-żmien.” Jekk wieħed jara dak li ġie rrapurtat fil-ġurnali tas-7 ta’ Settembru 2010, isib f’ The Malta Indipendent, dan il-kliem hawn fuq riferit.
Malta, barra li hija firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, hija wkoll firmatarja marbuta bil-konvenzjoni hekk msejjħa “Council of Europe Convention for the Protection of the Architectural Heritage of Europe” . (Kopja tagħha qed tigi annessa flimkien mal-lista ta’ pajjiżi li rratifikawha, u għal Malta daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru, 1990). Din il-konvenzjoni tgħid li kull pajjiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġi l-wirt arkitettoniku u kull stat għandu jieħu passi għall-protezzjoni tal-monumenti, għadd ta’ binjiet u siti. Tgħid li l-Istat għandu jieħu l-passi, to prevent the disfigurement, demolition or delapidation of protected properties, u dan b’referenza għall-monumenti.
Saħansitra, fejn jidħlu drittijiet fundamentali oħrajn, il-Qorti tikkunsidra li l-protezzjoni tal-wirt arkitettoniku hija raġuni ġustifikanti meta jkun hemm vjolazzjoni ta’ xi dritt uman.
Għandu wkoll jiġi rilevat li wara li Malta iffirmat u daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni Ewropeja għall-Protezzjoni ta’ Wirt Arkitettoniku, il-Gvern ta’ dak iż-żmien permezz tal-Ministru Louis Galea kien emenda l-Kodiċi Kriminali b’tali mod li ġabu in konformita` ma’ dak li qalet l-istess Konvenzjoni.
L-avukat Brincat għalhekk qed jitlob lill-Qorti biex:
- Tieħu vantaġġ mid-dritt tagħha skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Monument tal-Assedju l-Kbir, biex dan jibqa’ mhux mittiefes, u
- Tasserixxi d-dritt tiegħha u li ma jiġix vjolat l-Artiklu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Dan taħt dawk il-provvedimenti li jogħġobha tagħti l-Qorti u mingħajr ebda talba għal kumpens.