Għall-ewwel darba l-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex se jkollhom manwal prattiku dwar l-ortografija tal-Malti, bir-regoli l-ġodda kollha miġbura f’temi differenti biex l-istudenti jifmuhom aħjar.
L-awtur ta’ ‘Nikteb il-Malti Tajjeb’, Karl Scicluna, spjega kif kienet ilha tinħass il-bżonn għal ktieb tal-ortografija aġġornat li l-istudenti u l-għalliema jistgħu jużaw bħala referenza.
Scicluna qal li ħadu ħsieb li l-mod kif inhu miktub, b’ċerti temi, jolqot kemm lill-istudenti, kemm lill-għalliema, u anke min juża l-Malti f’xogħolu.
U filfatt jidher li l-ktieb se jkun ta’ għajnuna kbira għall-istudenti, hekk kif waqt it-tnedija, gruppi ta’ studenti mill-Iskola Medja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, rreċtaw poeżiji dwar l-ortografija tal-Malti, u ħadu sehem fi spellitona biex jaraw min għandu l-aħjar għarfien tal-Malti.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal li dan il-kieb għandu jkun għodda mhux biss għal riżultati akkademiċi aħjar iżda għal għarfien tajjeb tal-lingwa ukoll. Għaldaqstant ħeġġeġ lill-għalliema jagħmlu użu regolari tal-ktieb biex l-istudenti jtejbu u jsaħħu l-ħiliet tagħhom fil-kitba.