Id-droga li sa ftit ilu kienet qed tkissirlu ħajtu issa mhux qed iħalliha tkisser lil ħaddieħor. Fi ktieb mill-pinna ta’ Glen Calleja, Clifford Galea qasam l-esperjenzi li għadda minnhom tul is-sentejn li għamel ifittex id-droga. Sustanzi li għalkemm kienu ituh togħma tal-ewforija tal-ħajja, kienet twieżnu biss għal ftit minuti u kull darba tħallieh irid iżjed. Dan sakemm induna li din il-kilba kienet mhux biss qed toħodlu ħajtu iżda wkoll beda jsir bir bla qiegħ ta’ qsim il-qalb, diżappunti u dmugħ.
Waqt iċ-ċelebrazzjoni li fiha ġie mniedi l-ktieb tiegħu bl-isem ‘Nifs li kważi kissirni’ huwa stqarr ma’ One News kif kien biss wara programm ta’ rijabilitazzjoni mal-Fondazzjoni Oasi li hu irnexxielu jegħleb il-vizzju. Madankollu qasam magħna kif il-vizzju tad-droga ma tfieqx minnu iżda titgħallem tikkontrollah. Stqarr li l-ktieb għamlu għal dawk kollha li għaddejjin mill-vizzju u l-familji tagħhom.
“L-iskop huwa mhux biex niftaħar, imma biex inwassal messaġġ, speċjalment għal dawk li għadhom isofru u anke għall-familjari u l-qrabat biex jifhmu sew xi tfisser ‘addiction’, għax hemm ħafna li sfortunatament għadhom jaħsbu li hija xi ħaġa li għax trid. L-addiction hija xi ħaġa bħal marda, li ma tkunx tixtieqha inti, ħadd ma jkun jixtieqha u jixtieq li jkun daqshekk fil-qiegħ, imma hija xi ħaġa li inti ma tkunx tista’ twaqqafha anke jekk tkun taf li qed tagħmel ħsara lilek innifsek u lil ta’ madwarek.” Stqarr il-kittieb Clifford Galea.
Il-Kap eżekuttiv għall-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti stqarr kif il-ktieb jgħin sabiex żgħażagħ oħra ma jgħaddux mill-istess esperjenza li kellu jgħaddi minnha Clifford.
Il-President ta’ Malta, George Vella li kien preżenti għat-tnedija stqarr kif permezz tal-ktieb, Clifford irnexxielu jagħti gwida għal kull min qed ibati mill-vizzju tad-droga sabiex jagħraf kif għandu joħroġ mill-jasar tal-vizzju.
Clifford Galea qalilna kif kull min jaqra l-ktieb se jkun jista’ jaqsam miegħu l-weġgħat li għadda minnhom. Stqarr li l-proċess tal-kitba reġa fetaħ bosta feriti iżda għenu sabiex jiftakar kemm mexa l-quddiem.
“Il-proċess li tikteb terġa tqajjem l-emozzjonijiet imma kif dejjem ngħidu fi programmi bħal fl-Oasi ‘tajjeb li tiftakar biex ma terġax tmur fejn kont.’” Ikkonkluda Galea.