Fl-aħħar jiem saru manuvri fil-Partit Nazzjonalista biex baxx baxx jitwarrab Bernard Grech u fis-siġġu tiegħu jerġa’ jidħol Simon Busuttil.
Fil-ġimgħat li għaddew, tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil bdew iwissu lil Kap Bernard Grech, anki fil-beraħ u wissewh li hu jrid jimxi kif jgħidu huma.
Busuttil kompla żied il-preżenza tiegħu fil-Partit Nazzjonalista fejn saħansitra nhar il-Ħadd inqala’ minn Brussell u ġie Malta biex jiġi intervistat fil-maratona ġbir ta’ fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista.
Apparti minn hekk issa Busuttil spiċċa jikteb fil-blog ta’ Manuel Delia, b’sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li Simon Busuttil qed joħroġ għan-nofs u jnaqqas iżjed ir-relevanza tal-Kap Bernard Grech.
L-istess sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li quddiem żviluppi fil-Qrati, Simon Busuttil kompla jżid il-viżibilità tiegħu filwaqt li l-Kap beda jxandar messaġġi ta’ ftit minuti rekordjati mingħajr ġurnalisti quddiemu.
Qalulna li Busuttil kompla jixgħel il-fjamma tiegħu billi anki mar jagħti intervista lil Lovinmalta u saħaq li l-Partit Laburista rebaħ elezzjoni ġenerali mbagħbsa fl-2017.
Nifhmu wkoll li x-xewqa li Simon Busuttil jerġa’ jirritorna fl-arena politika lokali kompliet tiżdied hekk kif fl-aħħar jiem fil-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, Busuttil saħansitra kellu iżjed viżibilità minn Grech.
Bernard Grech diġà deher ipaċi mal-establishment billi fi Frar li għadda talab lill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista biex jiġi rtirat kull ħsieb li jinbdew proċeduri kontra Simon Busuttil wara l-gidba Egrant.
Oriġinarjament, fis-sajf tal-2018, Adrian Delia kien wera l-bieb ta’ barra lil Simon Busuttil wara li dan tal-aħħar kien bena kampanja mimlija kalunji u attakki personali kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar Egrant.
Din il-mossa ta’ Grech biex jikkuntenta lill-Establishment ġiet żvelata f’artiklu tat-Times u propju siegħa wara l-artiklu tat-Times, l-aħbar ġiet kkonfermata minn stqarrija uffiċjali tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista fejn saħansitra Simon Busuttil ġie rringrazzjat għal xogħlu.
Dan ġie reċiprokat minn Simon Busuttil innifsu li rringrazzja lil Bernard Grech tal-ġest sabiħ li għamel miegħu.
Din mhux l-ewwel darba li Bernard Grech ġie ddettat x’jagħmel u x’jgħid mill-fazzjoni li għamlitu Kap.
Fl-ewwel minuti tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, mal-ewwel irċieva twissija mill-eks Chief of Staff ta’ Austin u l-moħħ wara l-Arriva.
Fuq il-blog tiegħu, l-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Manuel Delia kien wissa lil Bernard Grech biex ma jgħaxxaqhiex għaliex inkella jkollhom ifittxu lil ħaddieħor.