Matul din is-sena pajjiżna ra wkoll ħidma minn Infrastructure Malta li ma qatgħet xejn u li kompliet televa l-infrastruttura li għandu pajjiżna u li tintuża mill-pubbliku ta’ kuljum.
Lil hinn minn proġetti infrastrutturali ġodda, ma naqsux ukoll dawk ta’ manutenzjoni li lkoll huma intiżi biex jassiguraw li l-infrastruttura ta’ pajjiżna tibqa’ waħda ta’ livell għoli u li taqdi l-ħtiġijiet ta’ kull min jagħmel użu minnha.
F’dan ir-rigward, Infrastructure Malta kompliet għaddejja b’diversi proġetti li jaqgħu taħt din il-kategorija u biex dawn joħolqu l-inqas impatt fuq in-network infrastrutturali ta’ pajjiżna din l-aġenzija ħadet ħsieb li x-xogħlijiet saħansitra jsiru matul il-lejl, bil-għan li l-inkonvenjent għall-pubbliku kemm jista’ wieħed minimu.
Din l-aġenzija governattiva, għalhekk, imbarkat fuq programm intensiv ta’ manutenzjoni li ra xogħol varju fuq ħdax-il triq differenti fosthom; parti minn Triq l-Infetti fl-Imdina; parti mit-Telgħa ta’ Selmun; parti minn Triq Dun Karm f’Birkirkara; parti minn Triq Burmarrad; parti minn Triq Franġisk Pisani fil-Mosta; parti minn Triq tal-Barrani u parti minn Vjal il-21 ta’ Settembru, Naxxar, li lkoll ġew konklużi.
Dan l-istazzjon żar il-lant tax-xogħol fin-Naxxar fejn tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon.
Fil-fatt, fl-isfond tal-makkinarju u l-ħaddiema tal-kuntratturi li bdew jagħmlu dan ix-xogħol, spjegalna kif ħidmiet simili huma mmirati għal toroq arterjali u distributorji, b’din tkun ir-raġuni primarja għalxiex ix-xogħol ma jsirx matul il-ġurnata.
Qal, “Ovvjament nevitaw li dawn it-toroq nagħmluhom meta normalment ikunu attivi matul il-ħin tal-ġurnata, għalhekk nagħmlu interventi ta’ manutenzjoni fil-ħinijiet ta’ matul il-lejl, imma anke f’festi pubbliċi jew fil-weekends. F’dawn l-aħħar sitt ġimgħat rajna programm intensiv li laħħaq mas-seba’ kilometri ta’ manutenzjoni li ħafna drabi hu xogħol li jista’ jitlesta u jitkompla matul il-lejl.”
Falzon kompla jispjega li bin-natura tal-manutenzjoni, u b’hekk it-toroq mhumiex qed jinbnew mill-ġdid, jingħata lok li x-xogħlijiet isiru biss f’dawn il-ħinijiet u fis-sigħat, fejn it-toroq ikunu attivi matul il-ġurnata, jibqgħu jintużaw b’mod normali.
Għalhekk dawn ix-xogħlijiet huma meqjusa bħala superfiċjali, għax fost l-oħrajn jeviatw milli ssir aktar ħsara jew jilqgħu għal ħsara potenzjali.
Qal, “Ħafna mill-interventi jkunu interventi fuq il-wiċċ li nkunu nistgħu nevitaw iżjed ħsara li, imbagħad, dik il-ħsara jkollha bżonn iżjed interventi fil-fond u li jtawlu l-ħin.”
Dan ifisser li dawn ix-xogħlijiet jissalvagwardjaw il-proġett oriġinali u fuq medda ta’ żmien saħansitra jsarrfu fi gwadann, għax meta ssir il-manutenzjoni neċessarja, ma jkunx hemm bżonn ta’ interventi kumplessi.
B’hekk, filwaqt li jkun imħares il-proġett oriġinali, il-pubbliku ma jkunx suġġett għal inkonvenjenti fit-tul, iżda għal xogħlijiet li jkunu iqsar fiż-żmien u ta’ inqas inkonvenjent, b’mod partikolari fejn jidħlu toroq arterjali u distributorji li madwarhom ikun hemm numru ta’ residenti.
Falzon nnota wkoll li, b’hekk, jitnaqqas ukoll l-infiq mill-fondi allokati lill-aġenzija li, iżda, ikunu jistgħu jiġu investiti f’xogħlijiet oħrajn li jkunu meħtieġa.
Hu rrimarka wkoll kif l-esperti tal-aġenzija li jmexxi jkunu wkoll sensittivi meta jagħmlu dawn it-tip ta’ xogħlijiet, li ammont sostanzjali minnu jsir waqt ix-xhur tax-xitwa.
Stqarr, “Iż-żmien ta’ meta nintervjenu hu determinat fin-network tat-toroq tagħna, f’dawn iż-żminijiet l-attività bil-lejl, matul il-ġimgħa, tkun l-inqas possibbli. Allura l-inkonvenjent lil min juża t-toroq tagħna jkun l-inqas possibbli u jkun hemm kordinament mhux biss mal-kuntratturi tagħna, imma wkoll ma’ entitajiet oħrajn biex naraw li l-interventi tagħna jsiru, ikunu ta’ suċċess bl-inqas inkonvenjent possibbli.”
Għalkemm il-maġġoranza ta’ dawn ix-xogħlijiet tlestew u hu mistenni li sal-aħħar ta’ Jannar jitlestew ix-xogħlijiet fuq l-islip road ta’ bejn Triq Mikiel Anton Vassalli u Triq Henry Calleja; u parti minn Triq Marina.
B’hekk se jkun ntemm il-programm tal-aġenzija li, b’kollox, se jkun ra l-manutenzjoni ta’ madwar seba’ kilometri ta’ toroq arterjali u distributorji fin-network lokali.