Ir-residenti ta’ tletin blokka f’disa’ lokalitajiet se jkunu fiċ-ċentru ta’ skema mnedija dalgħodu li permezz tagħha se jiddeċiedu x’manutenzjoni hemm bżonn li ssir fil-bini li jgħixu fih.
Mitejn familja minn Bormla, Ħal Għaxaq, Siġġiewi, Ħal Qormi, Isla, Ħal Kirkop, Rabat, Birżebbuġa u Imtarfa se jibbenefikaw minn din l-iskema.
Madwar mitejn familja se jibbbenefikaw minn investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro b’xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq tletin blokka f’disa’ lokalitajiet.
Dan bħala parti minn skema li bit-tema “Id f’id mar-residenti”, għandha l-ħsieb li tpoġġi lir-residenti fiċ-ċentru tal-immaniġjar tax-xogħol. L-iskema diġà tejbet il-kwalità tal-ħajja ta’ mijiet ta’ resident li jgħixu f’erbgħa u tletin blokka fi tmien lokalitajiet fosthom Ħal Luqa u l-Gudja.
Dawn ix-xogħlijiet jiddeċiedu huma bħala residenti x’tip ta’ xogħol għandhom bżonn bħal żebgħa, madum, turġien, dak kollu li hemm bżonn isir għall-komun li jgħixu fih u naħseb din hija xi ħaġa pożittiva li flimkien mal-Kunsilli Lokali nżommu sinerġija ta’ kuntatt.
Id-dettalji tal-iskema tahom is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes li spjega li kull blokka se tingħata ħamest elef ewro, biex filwaqt li l-Awtorità tad-Djar tiffinanzja u tissorvelja x-xogħlijiet, ir-residenti jieħdu rwol attiv fil-manutenzjoni.
Il-binjiet li se jibbenefikaw minn din l-iskema huma seba’ blokok f’Bormla, ħamsa f’Ħal Għaxaq u fis-Siġġiewi, erba’ f’Ħal Qormi, tliet blokok fl-Isla, tnejn f’Ħal Kirkop u fir-Rabat, oħra f’Birżebbuġa u fl-Imtarfa.
Is-sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli nnotat li b’din l-iskema, ir-residenti qed ikunu xprunati jressqu ’l quddiem ideat biex itejbu l-manutenzjoni tal-blokka li jgħixu fiha.
Qed jinteressaw ruħhom ukoll biex jagħtu daqqa t’id. Mhux l-ewwel darba li jkun hemm residenti jgħiduli jistgħux jagħmlu xi ħaġa huma barra din l-għajnuna tal-Gvern u nkompli nħeġġeġ lir-residenti japplikaw u jersqu lejn il-Kunsill Lokali biex jgħidulna li interessati wkoll.
Is-sindku ta’ Ħal Kirkop Terrence Agius innota kif il-lokalità diġà bbenefikat minn skema simili fil-passat.
Diġa għamilna sitt blokok li tlestew. Issa ħa nkomplu tnejn oħra u l-frott ta’ dawn il-ħamest elef ewro kull blokka qed ikompli jgħinu lir-residenti biex il-ħajja tagħhom tkun aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern lest jagħti l-parti tiegħu – fejn għandu x’jamministra mas-sebat elef u mitejn appartament.
Id f’id mar-residenti għax qed inħeġġu lill-inkwilini jieħdu l-inkarigu tax-xogħlijiet li jappartjenu lill-komun biex iżommu l-komun fi stat aċċettabbli u anki jiffurmaw assoċjazzjoni.