It-traduzzjoni tal-Kappillan ta’ Malta ta’ Nicholas Monsarrat magħmula minn Wistin Born se toħroġ uffiċjalment għall-pubbliku f’San Lawrenz, Għawdex. Kien preċiżament hawnhekk, fejn għex l-aħħar għaxar snin ta’ ħajtu, li Monsarrat kiteb dan ir-rumanz famuż fl-1972/73. It-traduzzjoni għall-Malti ta’ Born saret anqas minn sena wara biex inqrat minn Charles Arrigo fuq ir-Rediffusion fl-1974/75. Il-manuskritt tat-traduzzjoni kien ilu arkivjat għal 50 sena sħaħ. Wistin Born huwa l-awtur tar-rumanz magħruf Is-Salib tal-Fidda.
Il-Kappillan ta’ Malta huwa opra t’arti mżewwaq ta’ proporzjonijiet epiċi. Ambjentat fl-eqqel snin tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta u Għawdex, ir-rumanz jinfirex fuq il-medda kollha tal-istorja tal-Gżejjer Maltin. Kontra kull tana, qassis sempliċi b’qalbu f’idu jġarrab il-ħruxija tal-bombi Faxxisti, kif ukoll il-ġuħ, il-qtigħ il-qalb u t-tbatijiet, flimkien man-nies komuni li kien iħobb u li lilhom ħatar ħajtu. Għalkemm ma kellux ħila jobgħod, l-imħabba tiegħu tgħaddi minn infern ta’ provi.
Il-ħruġ tal-ktieb f’Għawdex se jsir il-Ġimgħa, 13 t’April, fil-11.00 ta’ filgħodu, fl-Iskola Primarja Monsarrat, San Lawrenz, bis-sehem tal-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana, u l-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz. Dawk preżenti se jkollhom l-opportunità unika li jaraw mill-qrib il-manuskritt oriġinali ta’ Monsarrat li jġib il-plot tal-Kappillan ta’ Malta, dokument li kien ingħata lill-Kunsill Lokali mill-armla ta’ Monsarrat.
L-Għawdxin kollha huma mħeġġa biex jattendu f’ġieħ wieħed mill-aktar kittieba letterarji famużi li għex fosthom għal tant snin.