Manuel Delia wieġeb lil Caroline Muscat tax-Shift News, li qaltlu li se jitlaq minn Malta wara li ngħata programm imħallas ta’ sitt xhur fl-Ewropa.
B’artiklu li tella’ l-Ġimgħa filgħodu, Manuel Delia kiteb li ħassu li għandu jispjega iżjed lilu nnifsu għalfejn se jitlaq mill-pajjiż għaliex skontu qed iħossu mhedded.
L-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt qal li ma jistax jifhem għala l-artiklu ta’ Caroline Muscat, l-eks Ġurnalista tat-Times, jimplika li hu mhux se jitlaq minn Malta minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
Lil Caroline Muscat qalilha li kieku rċieva talba biex imur jaħsel il-platti fi kċina ta’ lukanda fir-Russja biex jitlaq minn Malta, kien jagħmilha wkoll.
Manuel Delia qal li jħossu sorpriż u diżappuntat b’dak li kitbet dik li ħadmet il-kampanja elettorali ta’ Simon Busuttil fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Skont Caroline Muscat, Manuel Delia sejjer break, u qalet li bħala persuna li ġieli għamlet programmi simili għal dak li skontha se jagħmel Delia, qatt ma kienet tasal tbigħ dak li se jagħmel Delia bil-mod kif għamel hu.
Fl-artiklu bit-titlu, “Putting Things in Perspective”, Muscat qalet li kwalunkwe ġurnalist li verament affaċċja theddida serja, jaf li ma jħabbarx it-tluq tiegħu mill-pajjiż.
Saħansitra żiedet, li kieku vera t-theddida hija serja, ma kienx se jħalli lill-familja warajh.