Il-forzi tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista reġgħu għollew rashom sabiex jiġbdu l-ispag tal-Kap Bernard Grech kontra l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Dan ħareġ biċ-ċar l-Erbgħa filgħodu, ftit sigħat wara li Adrian Delia fuq Facebook fetħilha kontra Jason Azzopardi u akkużah b’gideb u qerq.
Manuel Delia, esponent ewlieni tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil u qrib ħafna ta’ Jason Azzopardi, kien fost l-ewwel li rreaġixxa għal dak li qal Delia fuq il-blog tiegħu tard it-Tlieta filgħaxija.
F’artiklu ta’ madwar 400 kelma, Manuel Delia, filwaqt li sab ħin jiżżufjetta bl-eks kap għall-ikel li jiekol, sab il-ħin ukoll sabiex iwissi lil Bernard Grech x’għandu jagħmel b’Adrian Delia.
Manuel Delia, filwaqt li xejjen dak kollu li qal l-eks Kap u qabeż għal sieħbu Jason Azzopardi, innota kif il-Kap Nazzjonalista qed ifalli milli jikkontrolla d-deputati tiegħu, partikolarment lil Adrian Delia.
Fil-fatt, staqsa jekk wara l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-eks Kap, Bernard Grech għadux jgħid li m’għandux problema b’Adrian Delia biex ikun kandidat għall-elezzjoni ġenerali.
Huwa fatt magħruf li l-establishment tal-Partit Nazzjonalista fosthom Manuel Delia u Jason Azzopardi, akkost ta’ kollox iridu jaraw lill-eks Kap Adrian Delia barra mill-Partit Nazzjonalista.
Din tal-aħħar hija konferma oħra tal-pressjoni li l-establishment qed joħloq fuq Bernard Grech sabiex iqaċċat lil Adrian Delia.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/05/05/delia-jakkuza-lil-azzopardi-bgideb-u-qerq-u-jisfidah-biex-ifittxu-1/