Manuel Delia, l-eks Chief of Staff tal-Ministru Austin Gatt u l-pinna ewlenija tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista, beda jżerżaq it-theddid fil-konfront tal-Kap Bernard Grech.
Dan wara aktar ġlied u intriċċi fil-Partit Nazzjonalista li raw it-tmexxija tal-PN tiksirha ma’ nies bħal Albert Buttigieg u Jason Azzopardi.
Fi blog li kiteb it-Tnejn filgħodu, Manuel Delia rreaġixxa għall-intervista fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista li kellu Bernard Grech il-Ħadd filgħodu fejn qal li hemm individwi li jużaw lill-Partit Nazzjonalista bħala tapit.
Delia kiteb kif hawn Bernard Grech qed jissuġġerrixxi li nies bħal Jason Azzopardi setgħu użaw lill-Partit Nazzjonalista bħala tapit u li dan huwa skorrett għall-aħħar.
Dan filwaqt li kiteb li donnu l-Partit Nazzjonalista qed ipenġi f’għedewwa lil dawk li m’għadhomx jiffurmaw parti minnu.
Manuel Delia, magħruf għall-qrubija tiegħu ma’ nies bħal Jason Azzopardi, sfida lill-Bernard Grech jissostanzja kif Jason Azzopardi uża lill-Partit Nazzjonalista bħala tapit.
Din l-isfida tmur id f’id ma’ dak li kiteb Manuel Delia eżatt wara li Bernard Grech laħaq Kap u tqaċċat Adrian Delia.
Dakinhar, fil-konfront tal-Kap, l-esponent ewlieni tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil kien stqarr kif jinsabu seqer fuqu filwaqt li wissieh biex ma jgħaxxaqhiex għaliex inkella jkollhom ifittxu lil ħaddieħor.
Din il-kitba ta’ Delia, li turi l-ħakma tal-establishment fuq Bernard Grech, tkompli tikkonferma l-ġlied kbir li baqa’ jaħkem lill-Partit Nazzjonalista anke wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Ewlenija fosthom u li kkontribwixxiet mhux ftit sabiex Manuel Delia jikteb dan il-kliem iebes fil-konfront ta’ Grech kienet il-ġlieda bejn Jason Azzopardi u Bernard Grech u li riżultat tagħha Azzopardi kixef allegazzjonijiet serji fuq il-proklama tal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.