Manuel Delia rrefera għal dawk li għandhom fiduċja fil-Partit Laburista u fil-Prim Ministru Robert Abela bħala ‘peasants’ u idjoti.
Dan għamlu fl-istess nifs li, bħal Bernard Grech, infexx jattakka ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa li din is-sena se jkunu jfissru sitta u għoxrin miljun ewro fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
It-tax refunds huma wiegħda elettorali oħra tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali li l-Gvern se jkun qiegħed iwettaq.
Fl-artiklu tiegħu Delia kompla biex iddeskriva lill-eluf ta’ persuni preżenti għall-mass-meeting indirizzat mill-Prim Ministru Robert Abela f’Jum il-Ħaddiem bħala persuni li m’humiex kapaċi jifhmu l-bażiku.
Il-kummenti ta’ Delia huma bħal dawk tal-Kap Nazzjonalista fi protesta ta’ ftit nies quddiem il-PBS, li matulha kompla jattakka l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern.
Delia kien wieħed minn dawk li appoġġjaw il-kandidatura ta’ Bernard Grech biex Adrian Delia jitneħħa u jitla’ minfloku Bernard Grech.
L-attakk ta’ Manuel Delia fuq dawk kollha li jappoġġjaw il-Partit fil-Gvern isegwi l-attakk li għamel ftit jiem ilu l-eks kandidat Nazzjonalista, Salvu Mallia, li skontu dawk kollha li se jivvotaw lill-Partit Laburista ħaqqhom mhux jiġu interdettjati mis-sagrament tal-Knisja Kattolika, iżda miċ-ċittadinanza Maltija.