L-esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Manuel Delia wissa lil Bernard Grech biex ma jgħaxxaqhiex għaliex inkella jkollhom ifittxu lil ħaddieħor.
“Aħna ninsabu seqer”, kiteb l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt.
Eżatt wara li beda ħiereġ ir-riżultat li Grech rebaħ l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Manuel Delia, ieħor minn tal-establishment, ta bosta pariri ta’ x’għandu jagħmel il-Kap Nazzjonalista l-ġdid.
Intant għal dak li kiteb Manuel Delia, irreaġixxa għalih id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, wieħed minn dawk leali lejn Adrian Delia.
Vassallo kkundanna dak li kiteb Manuel Delia li sejjaħlu bħala dak tal-Arriva.
Vassallo qal li jittama li l-kliem li kiteb Manuel Delia ma kitbu f’isem ħadd.
Vassallo qal li l-Partit Nazzjonalista u l-Kap m’għandhom ikunu fil-but ta’ ħadd.
Saħaq li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-partit innifsu m’għandhomx ikunu mmexxija minn imneħirhom minn ħadd.
Intant dwar l-aħħar reazzjoni ta’ Edwin Vassallo spiċċa tkellem Andrew Borg-Cardona u talab lil Vassallo biex joqgħod ftit lura.
Ħaddieħor wieġeb lil Borg-Cardona jisħaq li l-importanti ma jkollniex pupazzi filwaqt li Vassallo saħaq li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech m’għandux ikun dominat minn xi ħadd.
Qal li bil-kliem tiegħu, Manuel Delia qabeż il-linja ta’ diċenza.