L-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia, irċieva flus mingħand il-familja ta’ Yorgen Fenech, l-akkużat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’kitba fuq il-blog tiegħu, il-moħħ wara l-Arriva f’Malta u llum esponent ewlieni tal-establishment Nazzjonalista, ħabbar li se jiftaħ libell lil Simon Mercieca.
Dan wara li Mercieca spjega kif Manuel Delia ggwadanja minn flus mingħand ta’ Fenech billi organizza attività mingħajr ħlas fil-lukanda ta’ Tumas Group, Dolmen Hotel, waqt li kuġin ta’ Yorgen Fenech saħansitra għaddielu mijiet ta’ ewro biex jiffinanzjalu l-kampanja elettorali fl-2013.
F’dik is-sena, Manuel Delia kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali u kellu t-tir li jieħu post Austin Gatt, li dak iż-żmien kien għażel li ma jerġax joħroġ.
Kif inhu magħruf, Manuel Delia kien baqa’ l-art u llum spiċċa figura prinċipali ma’ ta’ Repubblika minn fejn jiddetta wkoll il-politika li għandu jimxi biha l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
B’rabta mal-libell li qal li se jagħmel fil-konfront ta’ Simon Mercieca, Manuel Delia tenna li dan tal-aħħar qed jagħmilha bħala l-aġent ta’ dak jinsab akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Bħal Manuel Delia, li issa sar magħruf li għall-kostitwenti tiegħu ħa post b’xejn f’lukanda, Jason Azzopardi tal-Blue Heroes kien akkwista ballroom b’xejn fil-Lukanda Hilton mingħand Fenech biex ikun jista’ jagħmel coffee morning għall-kostitwenti tiegħu.
Dan apparti mawra b’xejn f’Iżrael fejn tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv mill-grupp ta’ Fenech.
Dakinhar Jason Azzopardi kien biddel ismu u lil tal-lukanda kien talabhom biex iniżżluh biss bħala “Mr Smith”.