Jum ieħor u joħroġ fid-dawl żball ieħor fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista li nbidel tliet darbiet f’erbat ijiem wara li ġie approvat f’Kunsill Ġenerali.
Quddiem numru ta’ wegħdiet li huma doppji fil-manifest elettorali kelma b’kelma Bernard Grech kien skomdu għall-aħħar u spiċċa jgħid li dan sabiex dawk il-punti importanti jingħataw enfasi.
Colin Deguara: “Għandi mistoqsija dwar il-programm elettorali li frankament huwa mimli żbalji. Punt 534 huwa kelma b’kelma bħal punt 538. Punt 535 huwa kelma b’kelma bħal punt 539. Punt 536 huwa kelma b’kelma bħal punt 340 u punt 537 huwa kelma b’kelma bħal punt 541. Tgħidli eżatt kemm għandkom punti dupplikati fil-programm elettorali?
Bernard Grech: “Ifisser li nkunu qed nistressaw xi punt jew ieħor. Nirringrazzjak. Programm elettorali tagħna huwa..”
Colin Deguara: “Kelma b’kelma ta.”
Iżda hawnhekk huwa evidenti li bit-tweġiba tiegħu qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel hekk kif numru ta’ wegħdiet dupplikati qed jintużaw biex il-manifest jidher mimli iktar milli fil-fatt hu.
Għalhekk komplejna nistaqsu dwar kemm huwa aċċettabbli li fil-kuntratt tiegħu mal-elettorat ikun hemm dan l-ammont kbir ta’ żbalji.
Colin Deguara: “Aċċettabbli li fil-kuntratt tiegħek man-nies ikollok daqsekk żbalji?”
Bernard Grech: Għandi ċ-ċans niltaqa’ magħkom u nkompli nispjega.”
Għall-iskuża surreali li ġab, staqsejnieh jekk bħala avukat fil-kuntratti kienx jagħmel klawsoli doppji wkoll biex jagħmel enfasi.
Hawnhekk l-iskumdità ta’ Grech ħarġet fid-deher hekk kif spiċċa jipprova jaħrab mill-mistoqsijiet billi jgħid li l-ġurnalist kien qed jimbuttah.
Il-filmat jitkellem waħdu.
Colin Deguara: “Bħala avukat kont tistressja l-punti fil-kuntratti tagħmilhom doppji wkoll?”
Bernard Grech: “Timbuttanix jekk jgħoġbok.”
Colin Deguara: “Le m’inix nimbuttak.”
Bernard Grech: “Timbuttanix”
Colin Deguara: “M’inix nimbuttak anzi fil-kameras jidher li m’inix nimbuttak. Qed tgħid hekk biex taħrab…”
Bernard Grech: “Kont nistressja il-ġid lin-nies.” Colin Deguara: “Għalhekk qed ngħidlek, mhux żball tagħmel punt doppju?”