Qorti Taljana laqgħet mandat ta’ sekwestru kawtelatorju ta’ tliet mija u tlieta u sittin miljun ewro mil-likwidaturi ta’ kumpanija falluta tat-tbaħħir u rappreżentanti ta’ tlettax-il elf azzjonist fil-konfront tal-Bank of Valletta.
Kienet il-Qorti ta’ Torre Annunziata li laqgħet il-mandat kawtelatorju bid-deċiżjoni tal-qorti hija soġġetta għall-appell.
F’Dicembru tal-2009 il-kumpanija tat-tbahhir bl-isem ta’ Dieulemar fetħet trust mal-BOV.
F’Lulju tal-2012, seba’ membri tal-kumpanija, fosthom is-sidien ġew ikkundannati sbatax-il sena ħabs wara li nstabu ħatja ta’ tranżazzjonjiet finanzjarji illegali malli l-kumpanija ġiet iddikjarata falluta fl-2012 b’dejn ta’ aktar minn 800 miljun ewro.
Dan wassal sabiex issir talba ta’ 363 miljun ewro kontra l-bank wara li l-likwidaturi tal-kumpanija u r-rappreżentanti tal-azzjonisti, fetħu kawża ċivili kontra t-trusts li bdew jinżammu fil-bank Malti lura fl-2009.
Fi stqarrija l-bank qal li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri tant li t-tribunal għad irid jibda jisma’ l-każ.
Fil-fatt sostna li l-Qorti Taljana ddeċidiet li l-bank għandu jpoġġi dawn il-miljuni fil-ġenb sakemm tinqata’ l-kawża.
Iċ-Chairman tal-Bank Deo Scerri qal li fil-jiem li ġejjin, il-bank se jappella mid-deċiżjoni. Saħaq li l-bord kif ukoll it-tmexxija tal-bank qed jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jibqa’ għaddej bin-negozju tiegħu u assigura li dan il-każ bl-ebda mod mhu se jaffettwa lill-azzjonisti tal-bank.
Il-bank qal li għandu kważi 12-il biljun ewro f’assi u aktar minn kważi tliet biljun ewro fi flus kontanti mal-bank ċentrali ewropew.