Il-Qorti ħarġet mandat ta’ sekwestru fil-konfront ta’ Joffrey Mallia, ir-raġel li allegament inganna tliet nurseries tal-football meta l-Ġimgħa li għadda ħalla 280 tifel u tifla jistennew ajruplan li qatt ma wasal fl-ajruport.
Dan ikkonfermawh l-organizzaturi lokali tat-tournament Dana Cup fejn spjegaw li s-Sibt li għadda taw tlett ijiem ċans lil Mallia sabiex iħallas lura l-pagament ta’ €66,000 li ngħata fix-xhur ta’ qabel sabiex jorganizza titjira charter lit-tfal Sad-Danimarka u lura.
ONE NEWS jinsab informat li t-tfal ħallsu ħames mija u ħamsin ewro kull wieħed.
L-organizzaturi li tkellmu magħna qalu wkoll li fil-jiem li għaddew għamlu rapport lill-pulizija wara li Mallia naqas milli jrodd il-flus li ngħatawlu wara li ma onorax il-ftehim. Bħalissa l-avukati tal-partijiet konċernati qed jaħdmu wkoll l-ispejjeż relatati mal-aġir irresponsabbli ta’ Mallia.
L-organizzaturi fakkru li l-ewwel preferenza tagħhom kienet l-Air malta madankollu minħabba li d-daqs tal-kontinġent kien ferm akbar minn kemm jesgħu l-ajruplani tagħha, qabbdu lil Mallia.
Stqarrija tal-linja nazzjonali tal-ajru kkonfermat li kieku operat din it-titjira, l-Air Malta kien se jkollha bżonn tmien ajruplani.
Minkejja li ġimgħa qabel kien ħalla grupp ieħor ta’ tfal l-art fl-ajruport fid-Danimarka Mallia baqa’ jsostni mal-organizzaturi li kien se jonora l-ftehim magħhom u li t-titjira tal-Ġimgħa filgħodu kienet se ssir.
Madankollu waqt li t-tfal kienu bil-bagalji l-arjuport lesti biex isiefru, Mallia bagħat messaġġ lill-organizzaturi u qalilhom li l-kumpanija kienet stmatu ta’ demel u li t-titjira ġiet ikkanċellata.
Stħarriġ li għamel ONE News kkonferma li fil-ħin li suppost l-ajruplan telaq minn Malta kien fuq titjira oħra bejn Greenland u Copenhagen, eluf ta’ kilometri ‘l bogħod mill-gżejjer Maltin.
Minkejja li l-organizzaturi kienu ħasbu f’din l-eventwalità, ftit tal jiem qabel Mallia allegatament heddidhom li kienu se jitilfu is-€66,000 li kienu diġà ħallsu.