Mijiet ta’ passiġġieri li kmieni waranofsinhar kienu lesti biex jitilqu lejn Katanja baqgħu l-art kawża ta’ azzjoni industrijali mill-unjin tal-bdoti tal-Air Malta.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li titjira tħassret tnejn u għoxrin minuta qabel it-tluq. Qalet li din id-deċiżjoni se tiswa lil Air Malta madwar mija u tmenin elf ewro.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li ressqet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-unjin tal-bdoti l-ALPA wara li l-unjin tat struzzjonijiet lill-membri tagħha biex ma joperawx titjiriet bl-ajruplan il-ġdid tal-Air Malta.
Dan minħabba nuqqas ta’ buttuna li m’għanhda l-ebda relevanza għas-sigurtà tat-titjira u jew li b’xi mod tista’ xxekkel id-drittijiet ta’ privatezza tal-piloti.
Spjegat li n-notifika tal-unjin tal-piloti wasslet ftit minuta biss qabel mal-ajruplan kellu jħalli Malta fuq titjira skedata lejn Katanja.
L-Air Malta qieset li din l-azzjoni mhux biss hi sproporzjonata iżda tikser b’mod sfaċċat il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat ftit ġimgħat ilu.
Żiedet tgħid li din l-azzjoni hija intiża biex tħarbat il-pjani ta’ għexieren ta’ Maltin u turisti li kien se jivvjaġġaw mal-familji tagħhom fi tmiem din il-ġimgħa.
L-Air Malta kkundannat bil-qawwa din l-azzjoni u qalet li se tagħmel dak kollu li tista’ biex tipproteġi l-interessi tagħha u tal-passiġġieri tagħha u tnaqqas l-impatt minn din l-azzjoni.