Tliet snin u disa’ xhur ilu nstab li kellha kanċer f’sidirha. Għamlet operazzjoni u fieqet. Sitt ġimgħat ilu ħasset uġigħ f’sidirha u marret għand it-tabib. Bagħatha tagħmel mammogram u minnu rriżulta li l-kanċer reġà trabba.
Din hija l-istorja ta’ Tessie Camilleri – mara li għaddiet mill-esperjenza qarsa li jġib miegħu l-kanċer darbtejn, u li spjegat kif li kieku ma kienx għall-mammogram, is-sitwazzjoni llum kienet tkun differenti.
Qalet li “Wara erbat ijiem li ħadt il-mammogram kelli mmur fit-10th biex nara r-riżultat u bagħtu għalija qalli reġa trabba u naraw kif nagħmlu.” Tessie qasmet l-esperjenza tagħha ma’ mijiet ta’ persuni li l-Ġimgħa filgħaxija nġabru fil-Kalkara u mxew lejn il-Birgu f’attività minn sensiela li qed jittellgħu fil-kampanja Pink October – bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider.
Camilleri spjegat kif “Mill-għada li għamluli l-operation kont mhux ħażin, ġabuli d-dar in-nurse tal-breast clinic infatti anki tħares lejja ma tindunax.”
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Michelle Muscat, fakkret fit-tema tal-kampanja “Face Your Fear”, u appellat biex kull mara tiċċekkja lilha nnifisha u ma tiddejjaqx tagħmel it-test.
Hija qalet dan qabel ma bdiet dik li fi kliemha kienet “mixja simbolika”.
Is-Sinjura Muscat spjegat kif “Niftakru f’dawk in-nies li sfortunatament tilfu l-battalja imma b’mod aktar b’saħħtu nimxu wkoll biex nagħtu kuraġġ lil dawk li għaddejjin minn din il-ġlieda ħalli ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu jiġġieldu din il-battalja.”