B’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata tal-Istati Uniti, il-Malta Model United Nations Society organizzat il-konferenza annwali tagħha mill-14 sas- 16 ta’ Settembru 2018. It-tema kienet “Universal Deceit: Ctrl Alt Delete” u ffokat fuq it-tħassib dwar privatezza u misinformazzjoni fil-Era Diġitali.
Aktar minn ħamsin żgħażagħ Maltin u barranin simulaw dibattiti internazzjonali tal-Kumitati tan-Nazzjonijiet Uniti u fasslu riżoluzzjonijiet dwar iċ-ċensura u l-libertà tal-kelma, is-sorveljanza statali, l-ostakli tal-globalizzazzjoni u l-impatt ta’ aħbarijiet foloz.
Permezz ta’ video, l-Eċċellenza tagħha Marie-Louise Coleiro Preca onorat lill-parteċipanti b’messaġġ li faħħar l-inizjattivi tal-MaltMUN u ħeġġeġ l-attiviżmu taż-żgħażagħ. Dr Omar Grech, Direttur taċ-Ċentru għall-Istudju u l-Prattika ta’ Riżoluzzjoni ta’ Konflitti u l-Eċċellenza tagħha G. Kathleen Hill, l-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti, fetħu l-konferenza b’diskorsi fuq it-temi. L-Onorevoli Angelo Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, ippreżenta premjijiet lid-delegati waqt iċ-ċerimonja tal-għeluq.
Fid-diskors tagħha, l-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti, G. Kathleen Hill, faħħret l-isforzi ta’ MaltMUN biex tqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet globali importanti fi żmien meta d-dinja qed tħares b’aktar reqqa lejn il-libertà tal-istampa, il-litteriżmu tal-media, ġurnaliżmu responsabbli u t-tixrid ta’ aħbarijiet foloz. Hi nnotat li l-Ambaxxata tal-Istati Uniti kienet sieħeb prominenti mill-bidu ta’ MaltMUN fl-2013.