Maltin u turisti li f’dawn il-ġimgħat qed iżuru l-bajjiet Maltin, fosthom dik tal-Għadira, qed igawdu minn ambjent isbaħ.
Dan wara xogħlijiet mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi fl-aħħar ġimgħat. Fejn twaħħlu arbli u bozoz mal-medda kollha ta’ mal-bajja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Emren John Vella spjega kif dan il-promenade għamel snin ma jinxtegħelx u din is-sena d-dawl ta’ dehra differenti.
Vella spjega kif minbarra x-xogħlijiet fuq il-bozoz, sar manutenzjoni fuq il-ħitan u l-poġġamani tal-ħadid li jdawru l-bajja.
Xogħlijiet ta’ dan it-tip m’humiex qegħdin isiru biss fil-Mellieħa iżda madwar il-pajjiż kollu grazzi għal kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità għat-Turiżmu u entitajiet oħra biex jiġi offrut prodott turistiku aħjar.
“Prattikament aħna nagħmlu interventi u manutenzjoni fejn jidħlu bankijiet, pavimentar forsi railings. Railings kemm dak li huwa li jinbidel jew li tista tirranġah. Ġieli kellna kummenti fuq dawl li mhux jaħdem u aħna allura nitkellmu mal-entitajiet konċernati fosthom il-kunsilli lokali u l-Malta Tourism Authority.” Spjega Vella.
Fil-fatt il-Fondazzjoni għamlet diversi proġetti f’San Pawl il-Baħar.
Fost l-oħrajn il-Fondazzjoni ħadet ħsieb li tindirizza ħsarat ikkawżati mill-maltempata ta’ Frar li għadda fl-inħawi tas-Sirens, billi ssewwew il-bankini kif ukoll reġgħet inżergħet roqgħa tal-ħamrija bil-pjanti.
Vella spjega wkoll li l-Fondazzjoni ħadmet fuq riġenerazzjoni ta’ ġnien il-Veċċ qrib il-Knisja tal-Qawra, li tħalla għal diversi snin abbandunat.
“Kellna diskussjoni mal-kunsill lokali fejn dawn talbuna għajnuna għal Ġnien il-Veċċ. Aħna morna u rranġajna u għamilna manutenzjoni estiża. Fil-fatt fil-ġimgħat li ġejjin dan se jinfetaħ għall-familji.” Kompla jgħidilna Vella.
Barra min hekk il-fondazzjoni irranġat ukoll il-bankini fil-promenade tal-Qawra, żebgħa mill-ġdid ta’ bankjiet fiż-żona kif ukoll qed twettaq proġett ta’ tisbiħ tal-promenade tax-Xemxija.