Numru ta’ Maltin jinsabu maqbudin fi Sqallija wara li nirien ħakmu l-Ajruport ta’ Katanja.
S’issa għadha mhix magħrufa l-kawża tal-inċident iżda s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata fi ftit sigħat.
Madankollu dan l-inċident wassal biex bosta titjiriet minn u lejn Katanja ġew ikkanċellati jew direzzjonati lejn ajruporti oħrajn.
Fi stqarrija li nħarġet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, intqal li kien hemm sittax-il titjira li ġew ikkanċellati fis-16, 17, 18 u 19 ta’ Lulju. B’riżultat ta’ dan l-inċident ġew affetwati mal-elfejn u mitt passiġġier.
Intqal ukoll li persuni li jridu jħassru t-tijira tagħhom f’dawn il-ġranet, jistgħu jagħmlu dan u jingħataw jew il-flus lura jew data ta’ titjira oħra.
Madanakollu, l-Air Malta qalet li għada se jkunu qed joperaw żewġ ajruplani alternattivi għall-passiġġieri li ġew affetwati minn dan l-inċident u bħalissa jinsabu f’Katanja biex jerġgħu jiġu lura Malta.
Temmet tgħid li se tkun qed taġġorna s-sit elettroniku tagħha bl-aħħar dettalji dwar is-sitwazzjoni fl-ajruport ta’ Katanja.
L-ajruport ta’ Katanja se jkun qed jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu u jopera b’mos sħiħ fid-dsatax ta’ Lulju.