L-għajnuna finanzjarja li tingħata taħt l-iskema travel reimbursement for patients undergoing treatment cancer at Mater Dei, li tingħata lill-pazjenti Għawdxin li jiġu Malta għal trattament mediku, se tiġi riveduta billi tingħata wkoll lill-adult li jkun qed jakkumpanja lill-pazjent.
Din se tingħata wkoll lill-pazjenti Maltin li jmorru għal trattamenti f’Għawdex. Se tingħata wkoll allowance addizzjonali biex ittaffi l-piż tal-akkomodazzjoni f’Malta jew f’Għawdex skont il-każ.
Din hija biss waħda mill-miżuri li bihom il-Gvern se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin ukoll.
Biex aktar persuni jagħmlu użu minn trasport kollettiv, barra li se jibqa’ jingħata t-tax credit lill-kumpaniji privati biex jorganizzaw trasport kollettiv għall-ħaddiema fis-settur privat, il-Gvern se jagħti kumpens parzjali ta’ €1.50 kuljum lill-ħaddiema tal-Gvern Għawdxin li jorganizzaw trasport kollettiv. Madwar 1,00 ħaddiem se jgawdu minn din il-miżura.
Mill-1 ta’ Jannar 2019 ukoll, il-ħaddiema kollha Għawdxin li jaħdmu Malta, se jibdew ikunu intitolati għal Gozitan Works Subsidy. Dan iffiser li għall-ewwel darba, qed titneħħa d-distinzjoni u anomalija li eżistiet sa issa, li huma biss il-ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern, jingħataw din l-għajnuna li tikkonsisti fir-rifuzzjoni tal-biljett tal-vapur.
Madwar 3,000 persuna li jaħdmu mal-privat se jgawdu minn din il-miżura.
Il-Gvern ħaseb ukoll fl-istudenti Għawdxin li jgħixu u jikru post f’Malta biex ikomplu l-istudji tagħhom f’istituzzjonijiet terzjari. Se jibqgħu għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u entitajiet ekkleżjastiċi biex dawn joffru numru ta’ postijiet li jistgħu jikru l-istudenti bi prezz affordabbli.
Fl-istess waqt, il-Gvern se jestendi s-sussidju li jingħata lill-persuna taħt l-iskema ta’ akkomodazzjoni mħaddma mill-Awtorità tad-Djar lill-istudenti Għawdxin taħt ċertu kundizzjonijiet. Il-miżura li ntroduċa l-Gvern din is-sena li jagħti inċentiv finanzjarju meta jiġi maħluq impjieg ġdid mas-settur privat f’Għawdex billi għal kull impjegat li jiġi offrut kuntratt ta’ tliet snin jew iżjed, tingħatalu rifużjoni ta’ 30% tal-paga medja ta’ impjegat sa massimu ta’ €6,000, se tkun estiża għas-sena d-dieħla wkoll.
Ħidmet il-Gvern fl-akkomodazzjoni soċjali se testendi għall-gżira Għawdxija permezz ta’ blokka ta’ appartamenti ġodda u moderni li tissodisfa l-istandards ta’ aċċessibbiltaˋ u bini eco-friendly fil-housing estate taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex.