Il-bidu tas-sena ra l-mewt tad-Deputat Laburista Silvio Parnis fl-għomor ta’ 58 sena. Hu kien serva fil-Parlament għal ħames leġiżlaturi bejn l-1998 u l-2022, fejn ukoll kellu darbtejn ir-rwol ta’ Segretarju Parlamentari taħt Gvernijiet Laburisti.
Fost id-dekasteri, li kien responsabbli minnhom, insibu dak għall-anzjani, persuni b’diżabilità u l-kunsilli lokali, fost oħrajn. Parnis, li wkoll kien xandar popolari, ħalla din id-dinja fl-4 ta’ Jannar.
Fit-18 ta’ Jannar miet Victor Grech fl-età ta’ 96 sena, li kellu diversi partijiet prinċipali fuq it-televiżjoni, fosthom fis-sensiela ‘Baħar Wieħed’ u fl-ewwel soap opera ‘Ipokriti’. Kien ilu nvolut fir-reċtar sa mill-1946.
Fl-24 ta’ Jannar ħalla din id-dinja l-ewwel preżentatur u deejay fuq ir-Redifussion, Victor Aquilina, fl-età ta’ 92 sena, li baqa’ meqjus bħala wieħed mill-pilastri tax-xandir f’pajjiżna.
Fl-14 ta’ Frar miet l-awtur Anthony Fenech li kiteb għadd ta’ kanzunetti popolari tal-grupp New Cuorey, fosthom ‘Il-Bajja tal-Mellieħa’, ‘Riviera Blu’, ‘It-Tunnara’ u ‘Il-Vitorja’, kollha kantati mill-mibki Sammy Bartolo.
Fit-28 ta’ Frar miet l-attur veteran Qormi, George Portelli, li minbarra li kien wieħed mix-xandara fil-bidu ta’ Super One Radio bir-rubrika ‘Aħjar Daħka minn Pillola’, fost oħrajn, serva bħala l-ewwel Sindku tal-Belt Pinto. Hu kien ukoll attur u ħadem diversi drabi l-parti ta’ Ġesù Kristu fil-Ġimgħa l-Kbira. Portelli kellu 91 sena.
Fil-15 ta’ Marzu miet l-eks Ministru tas-Sigurtà Soċjali, il-ġinekologu Edwin Grech. Hu kien missier Karin Grech, li kienet inqatlet fl-1977 b’ittra-bomba indirizzata lilu minħabba li baqa’ joffri s-servizzi tiegħu lill-pajjiż waqt l-istrajk tat-tobba. Hu kellu 94 sena.
L-ewwel mara fil-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista bejn l-1980 u l-1981, Anne Agius Ferrante mietet fis-6 ta’ April fl-età ta’ 97 sena, filwaqt li fl-4 ta’ Ottubru ħallietna wkoll eks deputata oħra, Ċettina Darmenia Brincat, li kienet daħlet fil-Parlament Malti f’isem il-Partit Laburista fis-snin tmenin.
Il-poeta u awtur famuż, Ray Mahoney, li kien ukoll xandar fuq ONE, ħalla din id-dinja fil-25 ta’ Lulju fl-età ta’ 74 sena. Minbarra li kien jaqra r-rumanzi fuq ONE Radio, hu kien saħansitra kiteb il-lirika tal-ewwel rock opera Maltija, ‘Ġensna’, fl-1982. Għal xi żmien hu kien qarrej tal-aħbarijiet fuq ix-xandir nazzjonali u kien jaħdem ma’ bank ewlieni lokali.
L-eks imħallef, poeta u awtur Philip Sciberras ħalla din id-dinja fl-1 ta’ Ottubru li għadda fl-għomor ta’ 77 sena. Hu wkoll serva bħala deputat Laburista fil-Parlament qabel daħal fuq il-bank tal-ġudikatura. Fl-1966, Sciberras, flimkien ma’ Ray Mahoney u oħrajn, waqqfu l-Moviment Qawmien Letterarju u ta sehmu f’għadd ta’ għaqdiet letterarji oħrajn.
Fit-8 ta’ Novembru miet Pawlu Curmi, magħruf l-aktar bħala ‘l-Pampalun’, fl-età ta’ 92 sena. Minbarra li kien mużiċist u żeffien prim, jibqa’ meqjus bħala ikona tal-Karnival ta’ Malta, li l-karrijiet, il-kostumi u ż-żifniet kompetittivi tiegħu lewnu dan l-avveniment tradizzjonali Malti għal għexieren ta’ snin.