Il-klabb tar-regatta ta’ Bormla se jikkompeti fl-Lago di Santa Croce f’Venezja.
Din hija kompetizzjoni internazzjonali li tara qaddiefa minn pajjiżi minn kull rokna tad-dinja jieħdu sehem fir-regatta magħrufa bħala Valesana.
Din it-tip ta’ regatta hija differenti minn dik ta’ Malta hekk kif il-qaddiefa jkunu tnejn u bilwieqfa.
Anke l-opri tal-baħar huma differenti għaliex huma aktar baxxi u iżgħar minn dawk tar-regatta tradizzjonali Maltija.
Id-distanza tal-kompetizzjoni hija ferm aktar minn dik fil-Port il-Kbir.
ONE News tkellem ma’ wħud mill-qaddiefa li se jirrapreżentaw lill-klabb ta’ Bormla qabel bdew il-vjaġġ lejn Venezja.
Clayton Darmanin spjega li l-klabb ilu għaddej bit-tħejjijiet għal din il-kompetizzjoni li tirrikjedi taħriġ differenti minħabba l-istil u t-teknika ta’ dan it-tip ta’ regatta li huwa differenti minn dak lokali.
Qal, “Hemmhekk se tkun differenti se naqdfu b’dgħajjes tagħhom differenti, it-triq twila tliet darbiet aktar minn tagħna. Jiġifieri t-taħriġ tagħna se jkun mil-lum stess kif ser inqassmu t-triq.”
Din mhix l-ewwel darba li qaddiefa Maltin marru barra minn xtutna jikkompetu, kif anki spjega Romano Brignone, qaddief ieħor li se jkun parti mill-kontinġent Malti f’Venezja.
Spjega, “Dakinhar konna morna bilqiegħda jiena u s-sieħeb tiegħi, Maximilian. Issa din id-darba ser tkun naqra differenti, ovvjament ġietna opportunità oħra għal min jaqdef bilwieqfa. L-aspettativi tagħna peress li ma naqdfux bħalhom dejjem ikunu li nġibu l-esperjenza u nippruvaw ovvjament jekk naqbdu inġibu s-suċċess.”