Bosta Maltin li jinsabu f’Ruma qegħdin isellmu lill-Kardinal Malti Prospero Grech li l-ġisem tiegħu bħalissa jinsab espost fil-kappella ta’ San Stefano fil-ġnien tal-Istat tal-Vatikan.
Fost dawk li żaruh waqt li kienu Ruma kien hemm delegazzjoni tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija.
Il-ġisem tal-Kardinal Malti ilu hemm minn nhar il-Ħamis fejn ftit qabel kienu għadu kemm sar il-funeral tiegħu fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Dakinhar iċ-ċerimonja kienet tmexxiet mill-Viċi-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, bil-Papa Franġisku ppreseda l-aħħar parti billi bierek it-tebut tal-Kardinal Malti.
Intant nhar il-Erbgħa li ġej mistenni jasal f’Malta l-ġisem tal-Kardinal Malti Prospero Grech.
It-tebut tal-Kardinal se jkun espost fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat, biswit il-kunvent tal-Agostinjani.
L-għada l-Ħamis se ssir quddiesa presente cadavere fil-Katidral tal-Imdina fis-2:00 ta’ waranofsinhar preseduta mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna.