22 ta’ Marzu – Id-data li żgur il-Maltin li kienu f’nofs attakk terroristiku qatt m’hu se jinsew. Kienet propju f’din id-data, sena ilu, li l-ajruport Zaventem fi Brussell inbidel f’xena makabra, xena ta’ traġedja.
Kienu qed jistennew biex jitilqu għat-titjira tagħhom, min sejjer lura fejn il-familja, min se jsiefer fuq xogħol u oħrajn għal vaganza iżda minflok spiċċat vittmi ta’ memorja kerha ta’ attakk terroristiku. L-attakki terroristiċi ma sarux biss fl-ajruport iżda anke f’Maalbeek.
Liema attakki ħallew 32 persuna mejta u aktar minn 300 midruba. Qalb il-midruba kien hemm anke Maltin, li b’xorti tajba rnexxilhom isalvaw minn din it-traġedja, fosthom il-koppja Lorenzo u Cheryl li kienu qed jistennew tarbija. Iżda l-memorja kerha ta’ dawn l-attakki se tibqa’ mnaqqxa fil-passat ta’ dawn il-persuni.
Lorenzo stqarr magħna li:
“Sena wara l-attakki terroristiċi ta Brussell tasal biex tibda tifhem aħjar l-impatt li dawn l avvenimenti se jkolhom fuqek. Avolja l-feriti fiżiċi jibdew ifiequ, mhux l-istess jista’ jingħad għall-effetti psikoloġiċi. Dak li gara sena ilu tibqa ġġorru miegħek tul ħajtek kollha, u l-fatt li tkun ersaqt daqshekk viċin, fil-każ tagħna ftit metri, li titlef ħajtek huwa ħsieb li jibqa’ jberren f’moħħok b’mod kostanti. Sena wara, inħoss li huwa importanti li nqajjem kuxjenza dwar it-tbatija psikoloġika li atti ta’ vjolenza bħal dawn iħallu fuq il-vittmi.
Lorenza spjegalna li l-vittmi ta’ dan l-attakk sabu din il-karta mibgħuta mis-servizzi soċjali tal-Gvern Belġjan mal-posta tagħhom, ġest sabiħ ta’ kuraġġ f’dawn il-jiem diffiċli li matulhom il-memorja kerha bħal donna tiġi lura. Din il-karta tgħid:
“For the coming days we wish you courage and warm connectedness.”
Iżda llum, sena wara, dawn l-attakki komplew jaħsdu aktar ħajjiet. Attakki b’sinifikati differenti li mhux biss qed isiru f’pajjiżi Ewropej iżda anke f’pajjiżi oħra.
Il-mistoqsija fil-fomm tal-ħafna hija jekk fil-verità dawn l-attakki hux se jiefqu u jekk l-innoċenti jistax ikollhom it-tama li jerġgħu jgħixu fil-paċi mingħajr il-ħsieb li jispiċċaw vittmi ta’ xi ħaġa li fihom ma’ għandhom ebda tort.