Dik li kellha tkun fost l-isbaħ ġranet f’ħajjet diversi persuni, inkluż Maltin, f’Ernst Happel Stadium fi Vjenna, setgħet inbidlet fi traġedja kbira.
Dan hekk kif, kunċerti tal-kantanta Taylor Swift mifruxin fuq tlett ijiem, bħala parti minn The ERAS Tour, tħassru wara theddida serja ta’ attakk terroristiku fil-post fejn kienu mistennija jattendu madwar 250,000 persuna.
Il-Pulizija Awstrijaka arrestat tliet żgħażagħ ta’ ħmistax, sbatax u dsatax-il sena, allegatament affiljati mal-Istat Iżlamiku, li kienu lesti jwettqu attakk suwiċida waqt l-istess kunċerti.
Fil-pussess tagħhom instabu wkoll bombi u armi, waqt li ġie rrapportat li l-għan tagħhom kien li joqtlu l-akbar għadd possibbli ta’ persuni preżenti.
ONE News tkellem ma’ koppja żagħżugħa Maltija, li jinsabu fi Vjenna u kienu diġà qed iħejju biex jattendu għal wieħed mill-kunċerti.
NATHAN CARABOTT – “Dejjem xtaqt li mmur dan il-kunċert, ilu bbukkjat aktar minn sena, imma meta skoprejt li tħassar, ħassejt ħafna dwejjaq, għax verament kont looking-forward. Kont qed inlesti l-kostum tal-partner tiegħi u għedt kważi wasalna biex immorru, ħa nara l-kunċert. X’ħin rajt l-aħbar – dieqa kbira.”
Minkejja dan, Nathan qalilna wkoll li, għalih, din kienet deċiżjoni tajba, għas-sigurtà.
“Nemmen li dan kien il-pass it-tajjeb. Kieku morna u morna niċċelebraw, u kien jiġri dak li kellu jiġri, konna nispiċċaw jew inweġġgħu…”
Min-naħa l-oħra, Jeremy fissrilna s-sentiment, hekk kif ħarġet l-aħbar li l-kunċert kien tħassar.
JEREMY ABELA – “Xħin irċevejna din l-aħbar kerha, ħriġna fil-lobby tal-lukanda u l-ammont ta’ nies, kbar, tfal żgħar, li kienu qed jibku, kien kbir – dieqa tal-biża’. Tirrealizza, l-impatt ta’ din l-aħbar fuq ammont kbir ta’ nies.”
Fi Vjenna stess, is-sentiment fost dawk li kienu se jattendu għal dawn il-kunċerti, kien ta’ dispjaċir kbir.
Ħafna, li kienu fi Vjenna għal dan il-għan, inġabru fi Triq Cornelia, li hi msemmija bħal kanzunetta ta’ Taylor Swift, biex joħorġu l-pożittiv minn din is-sitwazzjoni, waqt li kantaw xi kanzunetti tal-artista u parrtu l-brazzuletti.
Nathan fissrilna kif mill-ħażin, ipprovaw joħorġu t-tajjeb.
“L-aktar ħaġa li laqtitni, meta mort Cornelia Street, u St Stephen’s Square, kienet meta rajt in-nies imbikkmin – b’mod ħażin u tajjeb. Ħażin ovvjament, għax tilfu l-kunċert, imma b’mod tajjeb, għax xorta waħda ltaqgħu mal-komunità – jafu x’jiġifieri Taylor Swift.”
Sadanittant l-awtoritajiet Awstrijaċi ppubblikaw ir-ritratt ta’ wieħed mill-akkużati, li kienu biħsiebhom iwettqu l-attakk fuq skala kbira. Fir-residenza ta’ wieħed minnhom, ukoll instabu diversi kimiċi u armi.
Kollox jindika li mhux biss kienu se jintużaw bombi u armi li jaqtgħu, iżda wkoll kienu qed jippjanaw li jsuqu fuq in-nies.
Wieħed miż-żgħażagħ kien ukoll impjegat ma’ kumpanija, li topera fl-istadium fejn kienu se jsiru l-kunċerti.
Aktar tard dan ix-xahar, il-band famuża Coldplay ukoll għandha skedat kunċert fl-istess stadium. Minkejja dan, s’issa għadu mhux magħruf jekk dan hux se jitħassar ukoll.