L-atleta Maltija Lisa Marie Bezzina rebħet in-nofs maratona ta’ Pisa. Hija rnexxielha tħalli warajha liż-żewġ Taljani Lorenza Beccaria u Claudia Gelsomino li kienu favoriti li jirbħu d-deheb.
Il-Maltija għamlet isem għall-pajjiżna fl-art ta’ Toscana wara li ġriet il-maratona ta’ 21 kilometru f’ħin ta’ siegħa, tmintax-il minuta u 22 sekonda u tejbet il-ħin tagħha minn dak tas-sena ta’ qabel.
Fi tmiem il-maratona, fl-isfond tal-innu Malti, Lisa Marie telgħet fuq l-ogħla tarġa tal-podju u b’sodisfazzjon kbir xejret il-bandiera bajda u ħamra.