Leia-Summer Madden, li għad għandha 12-il sena, irnexxielha tirbaħ midalja tal-fidda fid-dixxiplina tal-karate f’kompetizzjoni internazzjonali għaż-żgħażagħ imtellgħa mill-Federazzjoni Dinjija tal-Karate f’Cancun, il-Messiku.
Din kienet l-ewwel darba li pajjiżna kiseb midalja f’din il-kompetizzjoni, li tara l-parteċipazzjoni ta’ atleti minn għexieren ta’ stati minn madwar id-dinja. Iż-żagħżugħa, li se tagħlaq tlettax f’Settembru li ġej, kienet akkumpanjata mill-għalliem tagħha, Sensei Josef Antonelli.
Prestazzjonijiet tajbin ħafna mill-Maltija wassluha biex tiddomina għal ħin twil fil-kategorija tagħha ta’ taħt is-sebgħa u erbgħin kilogramma għal żgħażagħ taħt l-erbatax-il sena.
Hi għaddiet minn tliet rawnds wara li għelbet lill-avversarji mill-Costa Rica, il-Messiku u l-Kanada bir-riżultati ta’ sitta bi tnejn, sebgħa b’xejn u ħdax bi tmienja.
B’hekk hi kkwalifikat għall-finali tal-istess kategorija fejn ġiet mal-atleta Amerkana, Elina Balint. Hawn, iżda, il-Maltija tilfet bl-iskor ta’ sebgħa bi tnejn u ġiet ikklassifikata bħala t-tieni l-aqwa fil-kategorija tagħha.
Il-Federazzjoni Maltija tal-Karate awgurat liż-żagħżugħa għal dan ir-riżultat prestiġjuż għal pajjiżna f’kompetizzjoni daqstant iebsa.