Il-Maltija Natalie Psaila, speċjalista fil-mediċina tal-familja u ko-fundatriċi ta’ NGO pro-choice, għamlitha mal-lista annwali tal-BBC tal-aktar mitt mara ta’ ispirazzjoni u influwenti minn madwar id-dinja għall-2023.
Il-lista tal-BBC tinkludi lill-eks First Lady Amerikana, Michelle Obama, l-Avukat għad-drittijiet umani, Amal Clooney, u l-ikona tal-femminiżmu, Gloria Steinem.
F’din il-lista hemm bosta nisa li huma popolari wkoll fix-xena tad-divertiment u l-kultura, fost oħrajn.
Psaila hi l-ko-fundatriċi tal-għaqda Doctors for Choice Malta u taħdem biex jiġi ddikriminalizzat u legalizzat l-abort f’Malta, filwaqt li anke jingħata aċċess aħjar għall-kontraċezzjoni.
Psaila hi t-tabiba minn tnejn li niedew helpline għal nisa li jixtiequ jiddiskutu għażliet alternattivi f’Malta u kif ukoll barra minn xtutna.
Hi ppubblikat ukoll ktieb edukattiv dwar is-sess immirat għal tfal ta’ etajiet bejn l-għaxra u t-tlettax-il sena, bl-isem ‘My Body’s Fantastic Journey’, biex tgħinhom jifhmu s-saħħa riproduttiva.
Kull sena l-BBC tiġbor lista tal-aktar 100 mara minn madwar id-dinja li ħallew impatt fil-qasam relattiv tagħhom.