Aktar minn 30 sena wara li nqatlet kiesaħ u biered fil-belt Belġjana ta’ Antwerp, Rita Roberts, li għandha dixxendenza Maltija, ġiet identifikata biss ftit tal-jiem biss ilu.
Kien f’Ġunju tal-1992, meta xi nies li kienu qed jimxu biswit xmara ewlenija f’Antwerp lemħu ġisem bla ħajja f’wiċċ l-ilma. Il-katavru tagħha kien instab b’diversi daqqiet ta’ arma bil-ponta, bi ġrieħi f’daharha u f’għonqha, waqt li aktarx kienet ilha għal ftit taż-żmien fl-ilma.
Dak iż-żmien il-Pulizija Belġjana ma kintix f’pożizzjoni li tidentifika l-persuna, xi ħaġa li baqgħet tkarkar għal aktar minn tletin sħaħ. Il-każ kien baqa’ miftuħ u ħadd ma ġie arrestat jew imressaq fil-Qorti.
Sadanittant qraba tal-mara, li kienet daħlet f’numru ta’ inkwiet f’Wales u ħarbet lejn il-Belġju, baqgħu ma jafux x’sar minnha wara li qatgħet ħesrem kull kuntatt magħhom. Kull tentattiv biex jintraċċawha falla wkoll.
Missier Rita, is-sajjied Malti Joseph Cordina, li kien ħalla pajjiżna biex jgħix u jibni familja f’Wales, laħaq miet mingħajr qatt ma sar jaf x’kien sar minn bintu.
Wara inċertezza sħiħa fuq il-każ tal-katavru tal-mara mill-1992, kien proprju aktar kmieni din is-sena meta l-Interpol bdiet kampanja bl-isem ta’ ‘Operation Identify Me’. Din il-kampanja, li bdiet f’Mejju li għadda, inkludiet il-pubbikazzjoni ta’ avviżi, imsejħin ‘black notices’, fuq is-sit tal-organizzazzjoni.
Fuq is-sit tal-Interpol bdew jidhru ritratti ta’ vittmi maqtula, ħafna minnhom fl-etajiet ta’ bejn il-15 u t-30 sena, li baqgħu mhux identifikati. Ingħataw il-ftit dettalji li kienu magħrufin dwarhom u anke ritratti ta’ oġġetti li nstabu fuqhom.
Il-profil ta’ Rita Roberts kien jgħid ‘Il-mara bit-tpinġija ta’ fjura’ (‘The Women With the Flower Tattoo’. Kien maħsub li mit-tpinġija tagħha – fjura sewda u weraq ħodor, bi kliem taħt li kienu jidhru bħala “R’Nice” – il-mara setgħet tiġi identifikata, imma mhux fl-1992.
Ftit tal-jiem wara li tnediet, l-istazzjon nazzjonali Britanniku, il-BBC, kien ippromwova din il-kampanja fuq is-sit tagħha wkoll u kien hawn li membru tal-familja tat-“Maltija” li għaraf it-tattoo ta’ Rita u informa mill-ewwel lill-istazzjon u lill-awtoritajiet.
Il-familja tagħha qalet li Rita kienet telqet minn Cardiff fejn kienet trabbiet għall-Belġju fi Frar tal-1992 u minn tliet xhur wara baqgħet qatt m’għamlet kuntatt ieħor magħhom.
Kien biss fl-aħħar jiem li l-każ ta’ Rita Roberts ġie rreġistrat bħala uffiċjalment ‘Identified’.
B’reazzjoni għal dan l-iżvilupp, il-familja tagħha qalet li jinsabu xxokkjati u b’qalbhom maqsuma li kellhom isiru jafu biss issa li Rita nqatlet b’dan il-mod u l-każ tagħha baqa’ ma ssolviex. Sadanittant il-mara kienet indifnet f’qabar mingħajr isem.
Huma qalu li t-tfajla kienet persuna sabiħa, tħobb issiefer u li tħobb lil familtha. Rapporti qalu wkoll kif ħu l-vittma snin ilu kien tkellem mal-Pulizija Belġjana u kien sab biss ħitan u l-ebda għajnuna.
Mindu tnediet ‘Operation Identify Me’, l-Interpol qalet li rċeviet mal-1,250 tip ta’ tagħrif jew għajnuna rigward it-22 katavru mhux identifikati li nstabu fl-Olanda, fil-Belġju u fil-Ġermanja.