Malti u Tuneżin inżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi ta’ traffikar ta’ persuni u kriminalità akkużata fost oħrajn.
Huma tressqu l-Qorti l-Erbgħa waranofsinhar b’rabta mal-każ tal-iżbark illegali ta’ diversi immigranti fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Settembru qrib il-Power Station ta’ Dellimara fi 3:30am.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Karl Roberts u Lydon Zammit spjegaw ir-raġunijiet wara l-arrest taż-żewġ imputati.
Iż-żewġ imputati huma Roger Mangion ta’ 64 sena minn Birżebbuġa u Mohamed Derbel ta’ 46 sena mit-Tuneżija.
L-arrest ġie kkontestat f’isem Derbel wara li rriżulta li l-investigazzjoni fil-konfront tiegħu bdiet meta ġie ditenut taħt arrest fid-19 ta’ Settembru u allura baqa’ teknikament detenut sal-lum f’perjodu li jeċċedi it-48 siegħa.
Wara diversi sottimissjonijiet miż-żewġ partijiet il-Qorti ddikjarat li l-arrest kien wieħed validu.
Hekk kif id-difiża taż-żewġ imputati talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni oġġezjonat għal din it-talba fuq diversi raġunjijiet fosthom fuq biża ta’ intralċ tal-provi.
Wara s-sottimissjonijiet bejn iż-żewġ partijiet il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għaż-żewġ imputati.