Il-Qorti tal-Maġistrati laqgħet it-talba tal-awtoritajiet Taljani biex raġel ta’ 43 sena jiġi estradit lejn l-Italja biex jaffaċċja akkużi dwar traffikar ta’ għaxar tunnellati reżina tal-kannabis.
Il-każ seħħ f’Ġunju tal-2018 meta l-Guardia di Finanza waqqfet dgħajsa li kellha bandiera Olandiża f’ibħra internazzjonali.
Id-dgħajsa li fuqha nqabdet id-droga telqet minn Malta fuq vjaġġ allegatament organizzat mill-Malti.
Kien għalhekk li l-awtoritajiet Taljani talbu li r-raġel jiġi estradit lejn l-Italja.
Fuq id-dgħajsa kien hemm disa’ persuni li ġew arrestati u ttieħdu lejn Katanja.
Il-Qorti tal-Maġistrati f’Malta ċaħdet it-talba għall-estradizzjoni għal darbtejn, wara li rriżulta li l-mandat ma kienx konformi la mal-liġi Maltija u lanqas ma’ dik Taljana u għax ma kien hemm ebda indikazzjoni li d-droga kienet se tiġi ttraffikata fl-Italja.
It-tielet talba ntlaqgħet mill-Maġistrat Noel Bartolo wara li rrimarka li ma kien hemm ebda raġuni legali li għaliha Attard ma kellux jiġi estradit.