Il-kumpanija privata tan-negozjant Elon Musk, SpaceX, qed tippjana li tibgħat missjoni spazjali b’tim ta’ erba’ astronawti, li se jkun qed jitmexxa minn negozjant b’ċittadinanza Maltija.
Il-vjaġġ, li jista’ jkun qed iseħħ anke fi ftit tax-xhur oħra, se jara lill-awstronawti Jannicke Mikkelsen min-Norveġja, l-Awstraljan Eric Philips u l-Ġermaniża Rabea Rogge, flimkien mal-kaptan Chun Wang, li hu bbażat f’pajjiżna u s-sena li għaddiet ingħata ċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-programm ta’ investiment.
Fuq il-profil personali tiegħu ta’ X, Wang stqarr li din il-missjoni hi pass ieħor lejn il-bidu ta’ titjir spazjali kummerċjali.
Hu kkalkulat li l-vjaġġ jieħu bejn tlieta u ħamest ijiem fejn l-ekwipaġġ se josserva r-reġjuni polari minn altitudni ta’ madwar erbgħa mija u ħamsin kilometru, jiġifieri tmienja u erbgħin kilometru ogħla mill-Istazzjon Spazjali Internazzjonali, l-ISS.
Jirriżulta li l-missjoni mmexxija minn Wang se tkun l-ewwel waħda li fiha l-bniedem se jesplora mill-ispazju r-reġjuni tal-Artiku u l-Antarktiku.
L-ewkipaġġ se jistudja r-raġġi tad-dawl b’lewn aħdar u vjola, magħrufin bħala Aurora.
Fi stqarrija, SpaceX qalet li Wang se jkollu d-dmir li, fil-missjoni, iħeġġeġ l-ispirtu esplorattiv fl-ekwipaġġ, waqt li jużaw it-teknoloġija moderna għall-istudji tad-dinja.