Is-sitwazzjoni soċjo-politika fit-Turkija kompliet tikkomplika ruħha wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat. L-awtoritajiet, fost l-oħrajn, mhumiex jippermettu l-akkademiċi jidħlu fil-pajjiż u dawk li qegħdin fuq btala riedu jirrappurataw lura għax-xogħol sal-bieraħ kmieni filgħodu.
Il-Professur Carmel Borg, li għallem f’Università ewlenija fit-Turkija, qal li ma ssorprendiex ruħu meta sema’ bl-attentat ta’ kolp ta’ stat.
“Bqajt naqra rivisti speċjalizzati minn madwar il-pajjiż u kien hemm min ippreveda l-possibilità tiegħu. Kull min hu midħla ta’ dan il-pajjiż beda jħoss li seta’ jkun hemm kolp ta’ stat.”
Dwar il-miżura li ħadu l-awtoritajiet fil-konfront tal-akkademiċi u l-għalliema, qal li jista’ jkollok minnhom li jirriproduċulek il-poter. Iżda jista’ jkollok oħrajn li, għal raġunijiet differenti, għandhom “allerġija” għall-istat. Fi kliemu, fl-aħħar snin, dawn setgħu ġew segwiti u investigati.
“Kienu jgħiduli oqgħod attent għax fil-klassi jista’ jkun hemm xi ħadd li qed isegwi x’qed tgħid u li se jmur jirrapporta. Issa bdejt nemmen għax qabel lanqas kont nagħti kas.”
Fi kliemu, il-President Erdogan jitkellem ħafna fuq l-istat parallel – il-biża’ li moviment magħmul minn nies fil-militar, fis-servizzi sigrieti, intellettwali u għalliema, qegħdin jintervejnu kullimkien u jridu jwarrbu l-istat preżenti. Kien għalhekk, fi kliem l-akkademiku, li wara li sar l-attent ta’ kolp ta’ stat saru eluf ta’ arresti, inkluż ta’ membri tal-ġudikatura, uffiċjali tal-Gvern u nies fil-militar.
“Għalhekk kien hemm intervent daqshekk mgħaġġel. L-informazzjoni kienet diġà qiegħda hemm. L-ispjunaġġ huwa tremend u mibni wkoll fuq din il-paranojja, jiġifieri li dan il-moviment, stat paraellel, xi darba seta’ jieħu post l-istat attwali.”
Mitlub jikkummenta dwar l-għajdut ta’ jekk il-President Erdogan setax kienx il-moħħ wara l-istess attentat ta’ kolp ta’ stat, Prof Borg ikun kawt.
“Mhux kumbinazzjoni li Erdogan qal: “Grazzi Alla li tajtna dan il-kolp għax issa rridu nnaddfu l-ħmieġ tal-apparat li hemm f’dan l-istat.” Hemmhekk jibda s-suspett ta’ x’seta ġara. Jien inħallih suspett. M’iniex bniedem konspiratorju iżda akkademiku li nibni fuq il-fatti, allura l-konspirazzjonijiet nibża’ minnhom. Iżda hemm dan is-suspett li seta’ ġie ffumentat internament biex ‘neħilsu’ minn dawk in-nies li jidhrilna li infiltraw fl-istat u li jistgħu jpoġġuh f’sitwazzjoni prekarja.”
Min-naħa tiegħu, Dr Adrian Grima rrimarka li d-demokrazija ma tfissirx biss elezzjoni li ssir kull ħames snin u wieħed jivvota għal min imexxih bi dritt li jagħmel li jrid u jirfes fuq kulħadd.
Fakkar fl-intoppi li nqalgħu f’Jannar li għaddha fil-konfront ta’ dawk li ppruvaw juru opinjoni differenti mill-Gvern Tork, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni mal-Kurdi. Fi kliemu, kien hawnhekk li l-Unjoni Ewropea kellha toqgħod attenta x’tip ta’ ftehim tagħmel mat-Turkija b’rabta mal-immigrazzjoni u d-drittijiet tar-refuġjati li qed ifittxu kenn mill-gwerra fis-Sirja jew mis-sitwazzjonijiet preokkupanti li hemm fl-Afghanistan u l-Iraq.
“Kellha taħsibha darbtejn x’tip ta’ ħabel tagħti lill-Gvern li diġà kien qed juri nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjità u l-libertà taċ-ċittadini tiegħu stess.”
https://youtu.be/hxvMtvowZrI