John Carey Camilleri, ta’ nisel Malti mistenni li jieħu f’idejh it-tmexxija tal-kumpanija tal-karozzi Ferrari.
Camilleri, li għandu 55 sena hu iben ġenituri Maltin f’Lixandra fl-Eġittu u wara emigraw lejn l-Istati Uniti.
Camilleri mhux ġdid fid-dinja tal-finanzi.
Fil-fatt diġà jagħmel parti mill-board tal-kumpannija FCA (Fiat Chrysler Automobiles). Camilleri kien issejjaħ jagħmel parti mill-board tal-FCA mill-kap Eżekuttiv attwali Sergio Marchionne wara snin li l-istess Camilleri kien il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija multinazzjonali tat-Tabakk Philip Morris.
F’ċirkolari maħruġ dan il-lejl u ppubblikat fuq il-Borża ta’ New York fejn hija llistjata l-FCA, intqal li l-Board tal-FCA qed jissejjaħ biex jiltaqgħu b’urġenza llum biex jaħtru Chairman u Kap Eżekuttiv ġdid tal-grupp.
Dan minħabba li Marchionne se jkollu jirreżenja qabel ma jiskadi l- kuntratt tiegħu s-sena d-dieħla minħabba problemi ta’ saħħa. Il-werrieta tal-familja Agnelli li għandha l-maġġoranza tal-ishma fil-Fiat mistennija jieħdu t-tmexxija tal-board permezz tan-neputi tal-fundatur Gianni Agnelli, John Elkann.
Camilleri ntant mistenni jieħu post Sergio Marchionne li hu magħruf bħala ġenju amminstrattiv li salva u rriġenera l-grupp FIAT.
Camilleri li huwa multi-miljunarju kien għal xi żmien f’relazzjoni mal-eks super model Naomi Campbel.