Dik li kellha tkun ġurnata ta’ btala fit-toroq pittoreski li taf toffri l-gżira ġara tagħna, ta’ Sqallija, spiċċat b’esperjenza kerha ta’ maltemp qawwi u toroq kollha mgħerqin minħabba għargħar.
Dan huwa kliem Patrick Camilleri, Malti li bħalissa jinsab maqbud ġo ħanut fi Sqallija wara li qabdet xita qliel u sakemm konna qed nitkellmu miegħu, għadha ma waqfitx.
Il-maltempata qed titqies mill-awtoritajiet Sqallin bħala waħda perikoluża ferm, fil-fatt dawn appellaw lill-pubbliku sabiex b’mod immedjat isib kenn x’imkien.
F’kumment telefoniku ma’ ONE News, Camilleri ddeskriva x-xeni li ra quddiemu f’din il-ġurnata li żgur se jibqa’ jiftakar għal għomru.
Qal, “Nieżla ħafna u t-toroq tbattlu mill-karozzi għax mgħerqin u hemm il-flights kollha delayed. L-ajru magħqud, jiġifieri ma hawn l-ebda dawl li se jiftaħ l-ajru u t-toroq fihom ħafna xita. Għadna kemm dħalna ġo ħanut is-saqaf tiegħu kollu waqa’ bi tromba u l-maltemp u xħin morna għandu, kellu ħafna bramel għax daħallu ħafna u ħafna ilma. Mhijiex sabiħa s-sitwazzjoni.”
Ix-xufier Sqalli li qed jakkumpanja lil Camilleri kkomunika mal-Ajruport ta’ Katanja u sħabu xufiera biex jara x’inhi s-sitwazzjoni tat-titjiriet minn u lejn Malta.
Kif jixhdu anke filmati li bagħtilna l-Malti, it-toroq huma baħħ u jiddomina biss hemm il-ħoss tax-xita qalila u tas-sajjetti.
Intant, kawża ta’ din xita qalila, l-iskejjel kollha fi Sqallija se jkollhom jagħlqu minħabba perikli li jista’ jkun hemm għall-istudenti, edukaturi u anke ġenituri.
B’effett immedjat, l-awtoritajiet ordnaw ukoll l-għeluq tal-ġonna publiċi u ċ-ċimiterji.
Fit-toroq hemm preżenza qawwija ta’ pulizija u l-ħaddiema li jagħtu l-ewwel għajnuna biex jissorveljaw is-sitwazzjoni.
Jidher ukoll li saret ħsara kbira fuq vetturi u binjiet.
S’issa ġew irrappurtati nieqsa żewġ persuni, u mijiet oħra huma maqbuda fil-karozzi tagħhom, kawża tal-għargħar.