Il-Malti Fra’ John Edward Critien inħatar Kap tal-Gran Prijorat ta’ Ruma tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, spjega lil ONE News li l-Balì Fra’ Critien huwa l-ewwel Malti li qatt okkupa kariga daqstant għolja fi Gran Prijorat tal-Ordni u wkoll l-ewwel wieħed li mhux ġej minn familja nobbli, kif kien isir tradizzjonalment.
Fra’ Critien twieled f’Malta fid-29 ta’ Settembru tal-1949. Huwa ngħaqad mal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1983 u ħa l-voti solenni tiegħu għaxar snin wara.
Wara li serva bħala Delegat ta’ Pisa, ġie elett membru tal-Kunsill Sovran tal-Ordni fil-perjodi bejn l-1994 u l-1999, bejn l-2009 u l-2014, u bejn l-2014 u l-2019.
Fil-Gran Prijorat ta’ Ruma serva għal bosta snin f’diversi rwoli. Ilu mis-sena 2000 il-kavallier residenti fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu. Fl-2011 huwa ġie nnominat bħala l-Kuratur tal-kollezzjoni tal-arti tal-Ordni. F’dak l-irwol organizza diversi wirjiet dwar l-Ordni ta’ Malta fl-Italja u f’pajjiżi oħrajn, fi wħud mill-aktar mużewijiet prestiġġjużi.
Fl-2012 Fra’ Critien ġie elevat għad-dinjità ta’ Balì Gran Croce di Giustizia. Huwa ilu mill-2018 l-President tal-Fondazzjoni tal-Pellegrinaġġi tal-Ordni ta’ Malta.
Biex ikun jista’ jwettaq id-diveri differenti tiegħu, huwa se jkun qed jaqsam ħinu bejn il-Forti Sant’ Anġlu f’Malta u Villa Malta – is-sede tal-Gran Prijorat ta’ Ruma – fl-Italja.