Dan huwa Daniel Camilleri, Malti li qed jagħmel suċċess internazzjonali fir-Robotika.
Fil-bidu ta’ din is-sena, Camilleri li huwa parti minn kumpanija Ingliża bl-isem ta’ Cyberselves fetħet hawn Malta.
Daniel Camilleri qal magħna kif bħala kumpanija qed jippjanaw li jiftħu skola ġewwa Malta.
“Biex ngħallmu lin-nies, kif jikkontrollaw dawn ir-robots, kif jipprogrammawhom għax waħda mill-ikbar problemi llum hija looking into the future, mhux se jkun hemm biżżejjed ħaddiema biex jaħdmu f’dan is-settur. Allura nixtiequ li noħolqu dawn l-opportunitajiet u biex noħolquhom irid ikollna dan il-laboratorju, Malta stess.”
Camilleri spjega magħna x’jagħmlu dawn ir-robots fil-kuntest ta’ Malta.
“Dan ir-robot jista’ jkun fuq il-Barrakka ta’ Fuq u billi tilbes il-Virtual Reality headset tkun tista’ tmur il-Barrakka ta’ Fuq tesperjenzaha u titkellem man-nies hemmhekk u anke taħt l-ilma, hemm ħafna wrecks madwar Malta, li huma verament interessanti. Imma mhux kulħadd jista’ jinżel, allura jekk għandek robot tista’ tikkontrollah bl-internet. Dak huwa xi ħaġa li rridu nuru l-possibiltà tiegħu.”
Is-suċċess ta’ Camilleri wasal riċentament, hekk kif flimkien ma’ sitt membri oħra tal-kumpanija, għadda għall-final ta’ kompetizzjoni internazzjonali prestiġjuża.
F’Lulju, Camilleri u sħabu ġew is-seba’ post mill-ħmistax-il tim li għadda, minn total ta’ tmienja u tletin tim li ħadu sehem fis-semifinali.
“Bħala fis-semifinals, it-tasks tista’ tgħid huma relattivament sempliċi għal persuna, imma għar-robot aktar diffiċli. So, l-ewwel waħda kienet eżempju għandek puzzle bħal dawn tat-tfal, bil-cutouts tal-annimali.”
Għall-finali li se tkun dan iż-żmien is-sena, Camilleri u sħabu bdew il-preparazzjonijiet.
“L-iktar waħda hija s-sens ta’ distanza, allura, bħal meta inti tagħlaq għajn waħda, tkun tista’ tara minn għajn waħda bħalissa, dik qegħda s-sistema tagħna bħalissa. Ikollok żewġ għajnejn tkun tista’ taqbad l-affarijiet ħafna aħjar.”