Fl-aħħar episodju tal-AĦWA FL-AWSTRALJA, l-aħwa Keith u Fabian Demicoli jżuru żewġ clubs tal-Maltin, ‘La Valette Social Centre‘ fi Blacktown, Sydney u ‘George Cross Falcons Community Centre‘ f’Wollongong fejn għadhom jinġabru ħafna Maltin u Awstraljani ta’ nisel Malti.
Minkejja li l-Maltin tal-ewwel ġenerazzjoni qed jonqsu, iż-żewġ ċentri għadhom attivi ħafna u fihom isiru bosta attivitajiet tradizzjonali Maltin li huma maħsuba li jżommu ħajjin id-drawwiet, il-lingwa Maltija u t-tradizzjonijiet Maltin fost il-ġenerazzjonijiet kollha.
Ivan Cauchi, li emigra lejn l-Awstralja fl-2005 iħabbrek ħafna biex jgħallem il-Malti fost il-komunitá Maltija-Awstraljana. Lill-aħwa Demicoli qalilhom li meta kien jgħix Malta ma tantx kien ifittex il-festi Maltin iżda meta emigra lejn l-Awstralja ħass in-nuqqas tagħhom, beda jfittixhom u beda japprezza aktar dak li m’għandux.
Is-Sur Cauchi li hu involut ukoll fir-rivista ‘The Voice of the Maltese’ temm jgħid li “meta jkollok ma tapprezzahx u meta ma jkollokx tapprezzah aktar”.
L-aħħar programm ta’ L-AĦWA FL-AWSTRALJA se jixxandar l-Erbgħa 19 ta’ Ġunju fid-9:25pm fuq ONE