Matthew Camilleri, sportiv involut fl-arti marzjali, ġie nkurunat bir-rebħa tal-aħħar edizzjoni tal-Almighty Fighting Championship li saret ġewwa Barnsley fl-Ingilterra.
Iż-żagħżugħ ta’ ħamsa u għoxrin sena ta wirja impekkabbli fejn ħabbatha mal-Ingliż Dan Gibbon fi tliet rawnds konsekuttivi b’ħames minuti l-wieħed. Huwa kiteb l-istorja billi ddomina r-rebħa tiegħu b’teknika eċċellenti u huwa l-ewwel Malti li qatt rebaħ dan il-kampjonat.
Waqt intervista ma’ ONE News huwa tenna kemm kienet diffiċli biex jitlaq minn pajjiżu f’Jannar tas-sena l-oħra għal aktar opportunitajiet f’dan l-isport.
Stqarr kif il-pandemija kienet ta’ ostaklu u xkiel minħabba it-taħriġ intensiv t’erba’ darbiet kuljum li kellu jsir biex ikun fi stat tajjeb biex jiġġieled.
Huwa qal, “Meta bdiet il-Covid kellu jieqaf kollox essaċ kellna nagħmlu il-lockdown u hekk hawnhekk xi tliet xhur jekk mhux sejjer żball jew erbgħa u minn dik il-ġurnata s’hawn domt nitħarreġ bla waqfien jien jiġifieri għalihom erba’ darbiet kuljum nittrenja għadni sal-lum anka wara li ġġilidt. ”
Matthew ilu jipprattika l-arti marzjali minn mindu kellu sbatax-il sena u bħalissa qiegħed iħarreġ nies oħra fl-arti marzjali, fosthom tfal żgħar.
F’Novembru huwa mistenni jerġa’ jiġġieled għat-titlu li jmiss. Qal li dan għadu biss il-bidu u qiegħed iħares lejn il-ġejjieni billi jkun aktar kompettitiv.
Għal min għandu l-ħajra jibda jagħti daqqtejn f’dan l-isport, Camilleri kellu dan l-appell: “Nixtieq ngħidilhom min hu interessat jagħmel dan l-isport mhijiex faċli għalija li kelli nitlaq minn Malta għax ma kien hawn xejn u kelli nfittex jiena, issa mhijiex faċli finanzjarjament tridu tieħdu ħsieb kollox intom għax ma kelli l-ħadd jien ħlief il-familja tiegħi dik il-problema u ma tkunux homesick. ”
B’sens ta’ kburija li hu Malti, Matthew temm jgħidilna hekk: “Jekk tiddedikaw ruħkhom kollox tistgħu tagħmlu l-Maltin jiġifieri dik li ngħidilkom jiena.”