B’technical knockout fil-ħames round, wara knockout kbir fit-tielet round, il-ġellied Malti Adam Laamouz, rebaħ wieħed mill-aktar ċinturini prestiġġjużi għat-titlu mfittxija fid-dixxiplina tal-Muay Thai fuq ir-ring fil-Bangla Boxing stadium fit-Tajlandja.
Adam Laamouz għeleb lit-Tajlandiż Petchmokareth, li kellu rekord ta’ 88 rebħa, f’konfront iebes fuq ħames rawnds ta’ tliet minuti-l wieħed.
B’din ir-rebħa, hu sar l-ewwel ġellied ta’ dixxendenza Maltija li rebaħ iċ-ċinturin tal-Muay Thai fil-pajjiż Ażjatiku, li hu l-aktar assoċjat ma’ dan it-tip ta’ sport.
Adam qasam l-eċċitament li ħass, speċjalment fil-mument li ġie nkurunat champion waqt it-tlugħ tal-bandiera Maltija.
Bi tħejjija għal dan l-avveniment rinomat, Laamouze qatta’ l-aħħar ħames xhur f’wieħed mill-aktar kampijiet ta’ taħriġ intensivi taħt il-head trainer Kru Pat, wieħed mill-aktar famużi għad-dixxiplina fid-dinja.
L-atleta Malti rringrazzja lill-coaches tiegħu, Master Noel Mercieca u Vuk Šteković, u lil martu u l-familja tiegħu għall-appoġġ kostanti.
Hu ddedika din ir-rebħa lil ġellieda oħrajn Maltin li jidħlu fir-ring b’tant sagrifiċċji.