Il-President ta’ Franza Francois Hollande approva l-għoti tal-ogħla dekorazzjoni Franċiza tal-Ordni Nazzjonali tal-Legion d’Honneur lil Tonio Portugħese b’rikonoxximent tal-karriera twila u tal-promozzjoni tal-valuri Franċiżi,Ewropej u universali tad-djalogu,diversita’ u tolleranza u għall-promozzjoni tar-relazzjoni eċċellenti fl-oqsma kummercjali u kulturali bejn Franza u Malta.
Fil-presentazzjoni tal-Midalja,l-Ambaxxatrici ta’ Franza Madame Beatrice Le Fraper Du Hellen semmiet il-kontribut tul is-snin mogħti minn Tonio Portugħese għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet grazzi għall-karriera professjonali tiegħu bħala ufficjal għoli fl-STMicroelectronics u r-rwol bħala Chairman tal-PBS Malta flimkien ma’ France Radio u Television fi ħdan il-Grupp Mediterranju u l-Bord Esekuttiv tal-European Broadcasting Union fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi tas-servizz pubbliku radjutelevisiv. Madame Le Fraper raddet ħajr ukoll lill-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat li apprezza dan il-gest prestigjuz minn Franza li onorat cittadin Malti. Il-Prim Ministru attende għaċ-ċerimonja tal-għoti ta’ dan l-ogħla unur tar-Repubblika ta’ Franza.
L-“Ordre national de la Legion d’Honneur” huwa l-ogħla ordni Franciz għall-merti militari u civili , kien twaqqaf minn Napuljun Bonaparte fis-sena 1802 u l-Gran Mastru attwali tiegħu hu l-President Francois Hollande.
Tonio Portugħese kien gie dekorat fis-sena 2001 mill-President tal-Italja Carlo Azeglio Ciampi bħala “Cavaliere Dottore” fl-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika Taljana u fis-sena 2010 mill-President ta’ Malta Dr George Abela b’Ġieħ ir-Repubblika bħala Membru fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.