Fil-Qorti t’Għawdex, ippreseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana, Malti ngħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jersaqx lejn il-gżira t’Għawdex, jagħmel depożitu ta’ €3,000 u garanzija ta’ €15,000 kif ukoll jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa, waqt li jrid ikun ġewwa bejn l-10:00 ta’ billejl u l-4:00 ta’ filgħodu.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-qorti, qed jiġi akkużat b’fastidju fuq l-eks sieħba tiegħu, li wettaq imġieba li wasslet għall-biża’ li tista tintuża l-vjolenza, kif ukoll numru ta’ theddid b’messaġġi diġitali.
Fil-Qorti ssemma li r-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet intemmet żmien ilu, iżda, dan l-aħħar, hu ċempel lill-eks sieħba mat-tletin darba biex jitlobha ħalli jara lil ibnu fi żmien il-festi.
L-akkużat qal li hu tela’ Għawdex fuq xogħol, filwaqt li, permezz ta’ Revolut, għadda somma flus lill-eks sieħba biex tixtri rigal lit-tifel. Kien hawn li l-vitma mblokkatu fuq il-mezzi soċjali, għalkemm il-flus żammithom.
Id-difiża għamlet talba għall-bail, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mario Scerri u Josef Gauci.
Id-difiża qalet li r-risk assessor kienet iddikjarat li, fl-aħħar sena, ma kien hemm l-ebda kuntatt bejn iż-żewġ partijiet.
Ħareġ li l-allegata vittma kienet qalet ukoll lill-akkużat li, jekk ma jkunux f’relazzjoni, mhux se tħallih jara t-tifel.
Minbarra hekk, waqt li kien allegat li r-raġel kellu xi każi pendenti, ma nġiebet l-ebda prova ta’ dan.
Wara li semgħet dan kollu, il-Qorti tat il-ħelsien proviżorju bil-kundizzjonijiet lir-raġel.
L-imputat kien assistit mill-Avukat Francesca Zarb, waqt li Dr Daniel Calleja deher għall-parte civile.