Malti Awstraljan ta’ 69 sena u li jgħix f’Melbourne l-Awstralja, għalaq ħamsin sena jaħdem mal-McDonald’s.
George Caruana beda l-karriera tiegħu ta’ 19-il sena meta r-ristorant tal-McDonald’s f’Melbourne kien għadu kif jiftaħ fl-1974.
Fil-fatt huwa se jkun qed jingħata t-titlu tal-iktar impjegat li ilu jaħdem ma’ din il-kumpanija.
George qasam l-istorja tal-karriera tiegħu ma’ sit internazzjonali fejn spjega li kollox beda b’kumbinazzjoni wara li kien qiegħed jiekol ma’ ommu fl-istess stabbiliment u hemm il-maniġer avviċinah u staqsieh iridx xogħol.
Huwa tenna li l-iktar mument li jibqa’ jiftakar huwa meta serva lill-istilla ta’ Hollywood Bette Davis. Qal li dakinhar taha apple pie b’xejn.
Waqt l-intervista George spjega li għalkemm hu dijabetiku, xejn mhu se jwaqqfu milli jiekol l-iktar ikla favorita tiegħu mill-McDonald’s, li hi magħrufa wkoll ma’ ħafna, Big Mac bic-chips.
George Caruana għadu jilbes l-istess uniformi li libes fl-ewwel ġurnata tax-xogħol tiegħu hekk kif din iġġiblu ħafna memorji sbieħ tal-passat.
Minbarra l-uniformi, Goerge għandu wkoll kollezzjoni kbira ta’ ġugarelli li ġabar matul il-ħamsin sena xogħol fosthom mill-Happy meals, tazzi u eżebiti bil-logo tal-McDonald’s.
Fi tmiem din l-intervista George Caruna qal li m’għandu l-ebda ħsieb li jieqaf minn dan l-irwol u se jkompli jaħdem sakemm ittih is-saħħa.