Malti ta’ 27 sena ġie arrestat b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-‘darkweb’ u b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’.
L-arrest jagħmel parti minn operazzjoni tal-Pulizija Maltija bil-għan li tassisti investigazzjonijiet tal-FBI fl-Istati Uniti.
Dawn it-tip ta’ programmi, magħrufa bħala Remote Access Trojan, RAT, jintużaw minn kriminali biex jiksbu aċċess u kontroll tal-kompjuters jew servers tal-vittmi.
Fi stqarrija, il-Pulizija Maltija qalet kif, fl-Istati Uniti, kien hemm diversi persuni li sfaw vittmi ta’ dan ir-reat, iżda s’issa ma jirriżulta li ma kien hemm l-ebda vittmi f’Malta.
L-investigazzjonijiet f’Malta tmexxew mit-Taqsima tas-Cyber Crime, wara talba għall-assistenza li ntbagħtet mill-Istati Uniti, li kienet tindika li suspettat ewlieni fil-bejgħ ta’ dan ir-RAT hu Malti.
Dawn l-investigazzjonijiet waslu biex ġie identifikat is-suspettat Malti u li kien f’assoċjazzjoni ma’ kriminali oħrajn li mhumiex Maltin u lanqas jgħixu f’Malta.
Nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Frar, il-Pulizija Maltija arrestat lis-suspettat fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Gudja. Waqt tfittxijiet li saru f’diversi postijiet tas-suspettat, ġew elevati numru ta’ affarijiet b’rabta ma’ din l-investigazzjoni.
Ir-raġel ta’ 27 sena, l-identità tiegħu ma tħabbritx, tressaq il-Qorti l-Ħamis waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Giannella Camilleri Busuttil, biex jibdew il-proċeduri ħalli jiġi estradit lejn l-Istati Uniti u jiffaċċja l-akkużi quddiem il-Qorti Amerikana.
Hu ta l-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni u qiegħed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
B’rabta ma’ din l-investigazzjoni, ġie arrestat ukoll kompliċi Niġerjan, li jgħix fin-Niġerja.
Operazzjonijiet oħrajn f’diversi pajjiżi, b’rabta ma’ l-istess bejgħ ta’ malware illegali fuq id-‘darkweb’, kienet qiegħda titmexxa mill-Europol, bl-involviment ta’ diversi stati oħrajn, fosthom il-Pulizija Federali Awstraljana, il-Pulizija tal-Kanada, tal-Kroazja, tal-Finlandja, tal-Olanda, tar-Rumanija, tal-Ġermanja u tan-Niġerja.